Sunday, December 22, 2024

Impenn lejn aktar effiċjenza enerġetika fil-bini

Aqra wkoll

Il-Kamra tal-Inġiniera organizzat id-29 Konferenza Annwali tal-Inġinerija “Sustainable Development Goals: An Engineering Perspective”. Din il-konferenza indirizzat l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jiffaċċjaw l-inġiniera biex jintlaħqu l-għanijiet favur l-iżvilupp sostenibbli skont l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Fost dawn insibu s-sanità u l-provvista ta’ ilma nadif, enerġija affordabbli u nadifa, l-industrija u l-innovazzjoni, bliet u komunitajiet sostenibbli, u l-konsum u produzzjoni responsabbli.

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi fl-indirizz tiegħu qal li għandhom jingħataw prijorità dawk il-proġetti li jkunu qed jikkontribwixxu biex pajjiżna jilħaq il-miri ambjentali tiegħu dwar l-emissjonijiet.

“Is-settur kollu tal-bini u l-propjetà jrid jaġġorna ruħu għal dawn ir-realtajiet. Iċ-ċertifikat tal-Energy Performance li jiċċertifika l-effiċjenza enerġetika ta’ kull binja se jikseb aktar importanza. Hemm indikazzjonijiet ċari li l-effiċjenza enerġetika ta’ kull proprjetà se tibda taffettwa jekk persuna tiksibx il-finanzjament mill-banek u l-prezz ta’ dak il-finanzjament”, kompla l-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Huwa sostna li l-bidla li jrid jagħmel il-pajjiż lejn ekonomija li tkun kważi ħielsa mill-emissjonijiet hija ċentrali għall-iżvilupp tal-mudell ekonomiku tal-ġejjieni. Il-professjoni tal-inġiniera għandha kontribut kbir x’tagħti biex Malta tilħaq il-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli sal-2050 kif iddikjarati mill-Nazzjonijiet Uniti.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi faħħar il-professjoni tal-inġiniera filwaqt li spjega kif konferenza bħal din twassal biex naraw it-triq ‘il quddiem lejn aktar effiċjenza enerġetika fil-bini u l-iżvilupp ta’ pajjiżna. Dawn huma miri li l-inġiniera għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tagħhom sabiex isiru l-bidliet neċessarji li jħallu impatt pożittiv għall-pubbliku, kemm mill-aspett ekonomiku kif ukoll fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Il-ministru temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-Kamra tal-Inġiniera għall-ħidma li qed twettaq filwaqt li awgura għal aktar kollaborazzjoni .

Il-President tal-Kamra tal-Inġiniera l-Inġ. Malcolm Zammit fid-diskors tiegħu qal li, “Din il-konferenza hija opportunità għall-komunità tal-inġinerija u l-partijiet interessati biex jiddiskutu soluzzjonijiet tekniċi u tal-inġinerija biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli”. L-Inġ. Zammit esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-parteċipazzjoni pożittiva minn diversi oqsma u spjega kif il-Kamra tal-Inġiniera llum hija organizzazzjoni li dejjem qed tikber u li kontinwament tiddiskuti modi u mezzi ta’ kif ittejjeb kif ukoll tissalvagwardja l-professjoni.

Fid-diskors tagħhom, kemm il-Ministru Zrinzo Azzopardi kif ukoll l-Inġ. Zammit ferħu lill-Inġinier Michelle Cortis li ftit tal-jiem ilu saret l-ewwel inġinier Maltija eletta fil-Bord Eżekuttiv tal-European Federation for National Engineering Associations (FEANI) għat-tliet snin li ġejjin. Dan huwa tragward li se jiftaħ kapitlu ġdid fil-relazzjonijiet internazzjonali tal-professjoni tal-inġinerija f’Malta.

Ekonomija

Sport