Wednesday, November 20, 2024

IMPENN LEJN IL-ĠENERAZZJONI FUTURA

Aqra wkoll

Il-Ħadd li ġej, jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tat-Tfal. Wieħed mill-jiem internazzjonali stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti biex jiġu rikonoxxuti l-kisbiet li saru, u fejn dan ma sarx, jiġu żgurati li t-tfal ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom, għal leħen tagħhom fis-soċjetà, għall-ħolm tagħhom. Minkejja li niċċelebraw dan il-jum għad fadal ħafna x’isir mhux biss f’pajjiżna imma anke ‘l barra minn xtutna. Imma aħna jinteressana minn dak li jiġri f’pajjiżna biex tassew id-drittijiet tal-minorenni ikunu garantiti. 

U biex dan il-proċess ikompli jiġi mwettaq, l-akbar responsabilta taqa f’idejn il-gvern li min-naħa tiegħu fl-aħħar snin introduċa diversi miżuri biex jiġi żgurat li, sa minn stadju bikri fil-ħajja tagħhom, it-tfal jingħataw l-aqwa opportunitajiet biex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.

Bhala parti mill impenn tieghu lejn it-tfal, gvern Laburista fil-manifest elettorali il-Partit Laburista habbar li ċ-children’s allowance se jiżdied b’€450, u b’hekk f’din is-sena bdiet titwettaq l-ewwel parti ta’ din il-miżura li tolqot 62,000 tifel u tifla li jiffurmaw parti minn 41,000 familja. Il-gvern mar anke oltre billi introduċa sistema li biha dawn il-ġenituri li jadottaw il-wild li jkunu qegħdin jiffosterjaw lokalment, se jibqgħu jirċievu parti mill-Foster Care Allowance u jibda jonqos gradwalment fuq perjodu ta’ erba’ snin jew sakemm il-wild jagħlaq il-21 sena liema tiġi l-ewwel. 

B’dan il-mod fl-ewwel sena tal-adozzjoni, jibqa’ jitħallas 80% tal-allowance tal-fostering, 60% fit-tieni sena, 40% fit-tielet sena u 20% fir-raba’ sena. Dan minbarra li xorta titħallas l-għotja ta’ rifużjoni fuq l-ispejjeż relatati mal-adozzjoni lokali li bħalissa tlaħħaq sa €1,000 u xorta titħallas l-allowance tat-tfal f’każ ta’ adozzjoni ta’ tfal taħt is-16-il sena.

U bhala parti mil-impenn tal-gvern li ma jhalli l-ebda tifel jew tiff taqa’ lura, b’investiment ta’ €1 miljun estenda l-inizjattiva one-tablet-per-child biex jintuża tul l-esperjenza sekondarja tagħhom, filwaqt li qed jagħmel wkoll investiment massiv b’fondi mill-Unjoni Ewropea biex il-gvern jagħti laptop lill-istudenti tas-7 sena.

L-impenn tal-gvern lean it-tfal hija riflessa b’investiment ta’ €1.8 miljun biex tiġi estiża Skema 9, fejn it-tfal li jibbenefikaw minnha se jingħataw sensiela ta’ għajnuniet, fosthom uniformi b’xejn u  kolazzjon kuljum. It-tfal eliġibbli ma jkollhomx għalfejn jagħżlu mis-servizzi offruti, iżda jkunu eliġibbli għalihom kollha. Apparti dan, hemm l-għotja ta’ €10,000 fis-sena biex il-kapijiet ta’ kull iskola jiżguraw li t-tfal ma jkunx jonqoshom affarijiet bażiċi fosthom ikel u riżorsi.

Il-Gvern jagħraf il-valur tal-isport, mhux biss fl-iżvilupp fiżiku tat-tfal, imma wkoll bħala mezz t’inklużjoni. L-inizjattivi dan il-gvern f’dan il-qasam huwa ammirevoli għaliex iħeġġeġ il-parteċipazzjoni aktar wiesgħa tat-tfal f’dawn l-attivitajiet extra-kurrikulari billi jiffinanzja parti sostanzjali mill-ispiża marbuta magħhom u għalhekk qed tiżdied it-tax rebate minn €100 għal €300 fis-sena għall-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom għal attivitajiet  sportivi, artistiċi jew kulturali. Dawk il-ġenituri li d-dħul tagħhom mhux taxxabbli ser jirċievu l-istess ammont f’forma ta’ għotja sa massimu ta’ €300.

Ħafna sar, u ħafna għad baqa’ x’isir biex id-drittijiet tat-tfal ikunu verament imħarsa. Però dak li sar huwa ċertament fid-direzzjoni t-tajba għal soċjeta aktar ġusta li tirrikonoxxi bil-fatti r-rwol centrali tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ dawk li għad iridu jiġu. 

Sport