Saturday, November 23, 2024

Impenn tanġibbli biex jiġu protetti u kkonservati siti ta’ importanza ekoloġika

Aqra wkoll

“Il-bijodiversità u n-natura mhux biss xi ħaġa sabiħa li jkollna imma huma essenzjali. Essenzjali għax fuqhom tiddependi l-arja, n-nifs li nieħdu, l-ikel li nieklu, l-ekonomija tagħna u s-saħħa tagħna. Biex nipproteġu dan kollu, irridu nagħtu protezzjoni xierqa lis-siti ta’ importanza ekoloġika.”

Hekk stqarr il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia waqt il-Jum Dinji għall-Ambjent fejn ġew imħabbra żoni ġodda li ser ikunu qed jingħataw iktar protezzjoni billi jiffurmaw parti min-netwerk tal-Unjoni Ewropea Natura 2000.

Is-siti li qed jiġu proposti ser jiżdiedu mal-34 sit ieħor ta’ Natura 2000 fuq l-art fil-gżejjer Maltin, li fil-preżent jammontaw għal 13% tat-territorju tal-gżejjer Maltin.

Il-Ministru emfasizza l-impenn tiegħu sabiex jiġu protetti speċi u tipi ta’ ambjenti naturali differenti u nassiguraw il-konservazzjoni tagħhom għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. “Kwalità ta’ ħajja tajba tfisser li kull ċittadin jingħata iktar spazji għar-rikreazzjoni, iktar aċċess għal siti ta’ importanza biex igawdi l-pajjiż tagħna u l-ispeċi tagħna. Ifisser ukoll li jippreservahom u jgħaddihom fi stat aħjar lill-ġenerazzjonijiet ta’ wara,” qal Farrugia. 

Is-siti ġodda li ser ikunu qed jiżdiedu mal-lista huma Tal-Wej, limiti tal-Mosta; Ħas-Saptan, limiti ta’ Birżebbuġa, u Wied il-Mielaħ li jinsab fil-limiti tal-Għarb, Għawdex. Dawn is-siti issa ngħataw ukoll it-titlu ta’ Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni ta’ Importanza Internazzjonali. Wied il-Mielaħ ġie ddikjarat ukoll bħala Żona ta’ Ħarsien Speċjali. L-Għadira s-Safra, sit li diġà tagħmel parti min-netwerk Natura 2000, ġiet estiża sabiex tinkorpora fiha aktar elementi ta’ importanza ekoloġika. 

Il-Perit Michelle Piccinino, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) saħqet li t-tħabbir tal-protezzjoni ta’ dawn is-siti llum juru l-impenn li l-ERA għandha għall-ambjent u l-viżjoni li għandha għal futur sabiex ikollna ambjent aktar san u kwalita’ ta’ ħajja aħjar.

Iż-żoni ta’ Tal-Wej u Ħas-Saptan ġew magħzula minħabba l-preżenza ta’ għadajjar tal-ilma ħelu fil-blat (rock pools), ambjent naturali li huwa rari fil-gżejjer Maltin. Dan l-ambjent naturali iħaddan fih bosta speċi uniċi, bħall-ħarira tal-ilma, speċji unika għal Malta; u l-elatine, speċi li tinsab biss f’Malta u fil-gżejjer Pelaġji (fl-Italja). Dawn l-għadajjar iservu ta’ ambjent naturali għal speċji oħra rari, bħall‑gamblu tal‑elmu.

Wied il-Mielaħ, magħrufa aktar għall-ġeoloġija unika tiegħu u It-Tieqa, ġie magħżul għall-kumunitajiet ta’ pjanti li jgħixu fiż-żona u minħabba l-irdumijiet, li jservu ta’ rifuġju għal bosta għasafar, partikolarment il-garnija and iċ-ċiefa. Dan is-sit għandu protezzjoni ukoll ta’ SPA.

Apparti minn hekk, il-konfini tas-sit tal-Għadira s-Safra ġew estiżi kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar. Din l-estensjoni tkopri fiha żoni li ġew rijabilitati mill-ERA fl-2017 wara t-tneħħija ta’ triq li kienet parti minn Triq il-Kosta li ma baqgħetx tintuża u l-Iskoll tal-Għallis, li jinsab ftit ’il barra mill-Għadira s-Safra u li huwa importanti għal diversi speċi ta’ għasafar.

L-ERA ħarġet ukoll Ordni ta’ Konservazzjoni u Protezzjoni fuq l-elementi ġeoloġiċi fiż-żona Ta’ Lanzun f’Tal-Mensija, limiti ta’ San Ġwann. Din iż-żona hija rikonoxxuta illum bħala Żona Speċjali ta’ Importanza Ġeoloġika u tindirizza strutturi, magħrufa bl-Ingliż bħala dolines, li huma simili għal dik li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Il-Maqluba.

Sport