Impenn tassew importanti qed jistenna aktar tard illum is-Sibt lir-referee Malti tal-FIFA Trustin Farrugia Cann li ġie fdat biex jmexxi l-partita ta’ Ħbiberija Internazzjonali tal-UEFA bejn Spanja u l-Albanija.
Din il-partita se tkun qed tintlagħab fl-RCDE Stadium f’Cornellà de Llobregat ftit barra l-belt metropolitana ta’ Barcelona fir-reġjun tal-Katalunya.
Il-partita tibda fis-7:45pm u għal dan l-appointment, Farrugia Cann se jkollu jassistuh lil Luke Portelli u Duncan Sultana bħala l-Assistenti Referees tiegħu, waqt li inkarigat bir-rwol tar-raba’ uffiċjal għal din il-partita ta’ ħbiberija internazzjonali se jkun Fyodor Zammit.
Din il-ħatra hija xhieda oħra tal-isforzi tal-Malta Football Association f’dak li għandu x’jaqsam mat-titjib tal-istandards tar-referees lokali biex jagħmlu isem għal pajjiżna barra minn xtutna, u barra minn hekk jimbuttawhom biex dejjem jaspiraw li jkunu mexxejja u ambaxxaturi tajbin għall-football Malti waqt id-dmirijiet internazzjonali barra minn pajjiżna.