L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, irċeviet donazzjoni ta’ xagħar minn impjegati tal-Bank of Valletta. Ix-xagħar se jintuża biex jinħadmu parrokki li jitqassmu mill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund lill-pazjenti li jkunu għaddejjin b’kura għall-kanċer u kundizzjonijiet mediċi oħra.
Din l-inizjattiva, ikkoordinata mill-BOV Sports and Social Committee (BOVSSC), tenfasizza s-solidarjetà u l-ġenerożità tal-impjegati tal-BOV li b’ġest ta’ altruwiżmu resqu ’l quddiem biex jgħinu lill-pazjenti li għaddejjin minn żminijiet diffiċli jerġgħu jiksbu d-dinjità u t-tama.
Waqt il-preżentazzjoni, l-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta, esprimiet l-apprezzament sinċier tagħha lill-Bank għall-impenn tiegħu f’din il-kawża u talli huwa forza ta’ solidarjetà fis-soċjetà Maltija, u rringrazzjat lill-impjegati għall-kontribuzzjoni ġeneruża tagħhom f’din l-inizjattiva tal-BOV Sports and Social Committee.
Ernest Agius, President tal-BOVSSC u Chief Operations Officer fi ħdan il-Bank of Valletta, akkumpanja lill-impjegati f’din iż-żjara. Huwa spjega li “Fil-Bank of Valletta, aħna nemmnu li għandna nagħtu aktar minn servizzi finanzjarji, billi nikkontribwixxu għall-benesseri tal-komunità tagħna. Din l-inizjattiva tirrifletti l-kompassjoni u s-solidarjetà li huma fil-qalba tal-valuri tal-Bank. Infaħħru l-ġest nobbli tal-impjegati tagħna li ddeċidew jagħtu xi ħaġa personali ħafna, bħalma huwa xagħarhom, għal din il-kawża. Permezz tal-Fondazzjoni Bank of Valletta u bħala membru fundatur tal-Alleanza ESG ta’ Malta, nibqgħu impenjati f’inizjattivi bħal dawn li jtejbu l-ħajja tan-nies u jsaħħu s-soċjetà Maltija kollha kemm hi.”
Il-Bank jappoġġja l-ħidma tal-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, u jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tagħha fl-għajnuna lil individwi u familji li jaffaċċjaw sfidi ta’ saħħa u soċjali. Is-Sur Agius spjega wkoll kif il-ġenerożità tal-impjegati tal-BOV f’dan il-każ tmur id f’id mal-valuri ta’ solidarjetà u kompassjoni li jiddistingwu lill-Fondazzjoni MCCF.
Immexxija mill-BOVSSC fi ħdan il-Bank, li huwa essenzjalment tim ta’ voluntiera tal-BOV li jiddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex jinvolvu lill-kollegi tagħhom f’sezzjonijiet differenti tal-Bank, din l-inizjattiva tgħin biex jinħoloq impatt pożittiv fit-tul f’konformità mal-istrateġija ESG tiegħu u l-impenn kontinwu lejn il-komunità Maltija.