Monday, November 4, 2024

Impjegati tal-BOV jiggradwaw mill-Istitut għas-Servizzi Finanzjarji

Aqra wkoll

Grupp ta’ 26 impjegat tal-BOV temmew b’suċċess korsijiet ta’ studju permezz tal-Istitut għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (IFS Malta). Għaldaqstant, dawn l-impjegati ġew mistiedna minn IFS Malta għal ċerimonja ta’ gradwazzjoni li kienet preseduta mill-Aġent President ta’ Malta, l-E.T. il-Professur Frank Bezzina. Iċ-ċerimonja saret nhar il-Ħamis, 25 ta’ Mejju 2023.

L-impjegati gradwaw f’diversi oqsma fosthom fir-Regolamentazzjoni Maltija dwar il-Finanzi, Diploma fil-Konsulenza Finanzjajrja, Diploma fil-qasam ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus, kif ukoll f’qasam li ġie mniedi riċentament, li huwa dak tal-ESG.

L-Aġent President ta’ Malta, l-E.T. il-Professur Frank Bezzina flimkien mal-President tal-Istitut għas-Servizzi Finanzjarji, is-sur Kenneth B Micallef ippreżentaw ċertifikati lill-istudenti filwaqt li s-Sur Ray Debattista li jmexxi t-taqsima tal-People & Culture fil-BOV ppreżenta l-Premju tal-BOV lis-Sur Robert Spiteri li kklassifika bħala l-aqwa student fil-kors tal-ESG.

Il-President ta’ IFS Malta, Kenneth B Micallef irringrazzja lill-Bank of Valletta għall-appoġġ tiegħu waqt li spjega r-rwol li jaqdi l-Istitut fl-iżvilupp tal-edukazzjoni finanzjarja. “IFS Malta tiffoka fuq l-appoġġ lejn is-settur bankarju u finanzjarju, billi toffri lill-istudenti kwalifiki akkademiċi u taħriġ speċifiku speċjalizzat. L-Istitut huwa Organizzazzjoni Edukattiva liċenzjata biex tiffaċilita u twassal programmi edukattivi ta’ Edukazzjoni Avvanzata u Għolja fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. L-Istitut għandu alleanzi kruċjali ma’ bosta istituzzjonijiet edukattivi rinomati sew lokali kif ukoll barranin, fosthom l-Università ta’ Malta u l-London Institute of Banking and Finance li magħhom nipprovdu korsijiet ta’ taħriġ ta’ livell għoli sabiex naqdu l-ħtiġijiet dejjem jevolvu tas-settur finanzjarju.”

Is-Sur Debattista spjega li, “fil-Bank of Valletta, nemmnu b’mod sħiħ fl-investiment kontinwu fin-nies tagħna, sabiex titjieb l-ispeċjalizzazzjoni u l-professjonalità u nkomplu nibnu relazzjonijiet b’saħħithom mal-klijenti tagħna. Ninsabu wkoll kuntenti li qed nesploraw oqsma ġodda ta’ speċjalizzazzjoni. Din is-sena 13-il impjegat studjaw fil-qasam tal-ESG, qasam li qed jingħata priorità u importanza fl-impenn tal-Bank lejn il-prinċipji tal-ESG.”

Ray Debattista spjega wkoll kif il-Bank jappoġġja lill-impjegati tiegħu sabiex ikomplu jistudjaw. “Napprezzaw il-fatt li n-nies tagħna jkomplu jiżviluppaw b’mod personali u nifhmu s-sagrifiċċju biex jibbilanċjaw il-ħajja personali u dik ta’ fuq ix-xogħol. Inkomplu nħeġġu lill-impjegati tagħna jinvestu fil-karriera tagħhom billi nagħtuhom sostenn tanġibbli permezz ta’ għotjiet finanzjarji għall-istudju ma’ istituti esterni bħalma huwa l-IFS.”

Dawn l-għotjiet jissuplimentaw il-korsijiet u t-taħriġ kontinwu li l-Bank jipprovdi internament permezz tal-funzjoni tat-Taħriġ u l-Iżvilupp, li huwa ċentru ta’ tagħlim li joffri firxa wiesgħa ta’ korsijiet għall-impjegati. Bosta minn dawn il-korsijiet huma kwalifikati u rikonoxxuti mill-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja u jaqgħu f’livelli ta’ MQF 5 u 6. Dan l-aħħar, il-Bank tejjeb ukoll il-pjattaforma diġitali ta’ taħriġ onlajn permezz ta’ investiment fit-teknoloġija sabiex noffru opportunitajiet ta’ tagħlim alternattiv.

Sport