Imniedi f’Marzu 2024, il-programm ta’ volontarjat tal-Bank of Valletta qed ikompli jikber, u fl-2025 laħaq tragward ġdid. L-impjegati tal-BOV ikkontribwixxew aktar minn 5,000 siegħa ta’ volontarjat, b’645 impjegat jieħdu sehem f’68 inizjattiva. Dan fisser żieda ta’ 47% fil-parteċipazzjoni meta mqabbel mal-2024.

Huma appoġġjaw diversi għaqdiet mhux governattivi (NGOs) li jaħdmu fis-setturi soċjali u ambjentali.Tul il-programm kollu, il-kollegi xammru l-kmiem biex jagħtu appoġġ fil-prattika. Fl-2025, l-impjegati tal-BOV għamlu xogħol volontarju mas-Soup Kitchen, fejn għenu fil-preparazzjoni tal-ikel u fis-servizz tal-ikliet lill-mistednin. Oħrajn appoġġjaw lil Caritas b’xogħol ta’ manutenzjoni li tejjeb l-ispazji ta’ barra għar-residenti.
Il-volontarjat tal-BOV kompla jinfirex ukoll għal inizjattivi nazzjonali fit-tul, fosthom il-kampanja L-Istrina BOV Piggy Bank, fejn il-kollegi użaw il-ħin tagħhom biex jgħinu fil-proċess tal-għadd tal-flus, u b’hekk jassiguraw li l-kampanja tasal fl-aħħar fażijiet tagħha. Impjegati tal-Bank għenu wkoll lil NGOs bħal Puttinu Cares.

Dan juri kemm il-programm qed jilħaq bżonnijiet differenti fil-komunità.Dawn l-isforzi huma parti mill-programm usà ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) tal-Bank, li permezz tiegħu l-NGOs huma mistiedna jibbenefikaw minn appoġġ prattiku u dirett minn voluntiera tal-Bank. L-imsieħba fil-komunità komplew jirrispondu b’mod qawwi, u laqgħu dan l-appoġġ li jgħinhom javvanzaw ix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, kif ukoll il-missjoni tagħhom.
Minbarra l-impatt fil-komunità, il-programm isaħħaħ il-kultura tal-Bank billi jlaqqa’ flimkien kollegi minn funzjonijiet u rwoli differenti madwar skop komuni, filwaqt li jippromwovi l-empatija, l-inklużjoni u r-responsabbiltà soċjali.Meta kkummenta dwar dawn l-inizjattivi, Ernest Agius, Chief Operations Officer (COO), qal: “L-ESG isir reali meta tarah fil-prattika. Il-volontarjat jagħti l-opportunità lill-kollegi tagħna joħorġu fil-komunità u jappoġġjaw organizzazzjonijiet li qed jagħmlu xogħol vitali kuljum. Dan jibni relazzjonijiet barra l-Bank mal-komunitajiet tagħna.”

Ray Debattista, Chief People & Culture Officer, żied jgħid: “Billi noħolqu spazju biex il-kollegi jagħmlu volontarjat, inkunu qed ninvestu fis-sostenibbiltà soċjali, filwaqt li nibqgħu leali għall-valur tagħna tal-inklużjoni, u nagħtu lill-impjegati tagħna lok għal tkabbir personali. Iż-żieda kontinwa fil-parteċipazzjoni turi li n-nies tagħna jridu jkunu parti minn impatt reali, u dan huwa importanti għall-komunitajiet li naqdu u għall-kultura li qed nibnu.”
B’ħarsa ’l quddiem, il-Bank se jkompli jibni fuq dan il-momentum mal-imsieħba fil-komunità, billi jappoġġja opportunitajiet ta’ volontarjat li jikkorrispondu mal-prijoritajiet tal-ESG tal-Bank u jwassal valur tanġibbli fejn l-aktar ikun meħtieġ.

