Thursday, July 24, 2025

IMPJIEGI DIĊENTI F’EKONOMIJA B’SAĦĦITHA

Aqra wkoll

L-ekonomija Maltija issa ilha s-snin tikber sew u saret iktar reżiljenti tant li wasslet għal tkabbir bla preċedent tas-suq tax-xogħol. L-impjiegi rekord li nħolqu, anki fis-settur privat, f’waqtiet meta l-ekonomija kienet f’morsa kaġun tal-pandemija, huma xhieda ta’ dan is-suċċess. 

Dawn il-kisbiet kollha ma ġewx mix-xejn imma għaliex kollox sar bi pjan u strateġija f’lokha. Huwa minnu li l-avvanzi kbar ekonomiċi u soċjali li pajjiżna kiseb huma sforz ħidma sfieqa li kienet ibbażata fuq għadd ta’ inċentivi fiskali li l-għan tagħhom kien imsejjes fuq il-ġustizzja soċjali, fuq il-ġlieda kontra l-faqar, in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol kif ukoll l-illitteriżmu.

Fil-fehma tagħna, l-aqwa settur ekonomiku huwa s-settur tal-impjiegi u hawn huwa preċiż fejn il-Gvern Laburista wera għaqal meta għaraf jiffaċċja l-problema fil-ħin billi inċentiva kemm felaħ lin-negozji permezz tal-wage supplement biex waqt il-pandemija ma ntilfux l-impjiegi. 

Irridu niftakru li kien hemm żminijiet fejn bosta kienu jargumentaw li “Labour Won’t Work”. Mhux talli “Labour did Work”, talli llum l-impjiegi jiġru wara l-ħaddiema tant li m’hawnx ħaddiema biżżejjed għal ċertu xogħlijiet u allura dawn is-servizzi jkollhom jiġu moqdijin minn ħaddiema barranin. 

Forsi wkoll għal xi ħaddieħor, ir-ruxxmata ta’ miżuri u inċentivi fiskali fis-snin li għaddew biex jipproteġu l-impjiegi u l-għajxien tal-familji f’pajjiżna kienu ħela u tberbieq ta’ flus. Żgur imma li għall-ħaddiema li ma tilfux l-impjieg tagħhom, dawn l-investimenti ma kinux tberbieq imma kienu salvagwardja għall-impjieg u l-għajxien tagħhom ta’ kuljum. 

Nifhmu li l-ħolqien tal-impjiegi waħdu mhuwiex biżżejjed. Imma għandhom ikunu mpjiegi b’kundizzjonijiet tajbin li jagħtu ħajja diċenti lill-ħaddiema, huma min huma, anke dawk barranin, biex b’hekk jiġi eliminat l-isfruttament tal-ħaddiema.

Nifhmu wkoll b’sodisfazzjon li l-Gvern Laburista għax konxju tal-problemi li jista’ jkun hemm fis-settur tax-xogħol fosthom il-prekarjat, ħa miżuri biex jindirizzaw dawn il-problemi billi rregolarizza ċertu oqsma ta’ dan is-settur biex il-ħaddiema, partikolarment tal-kuntrattur, jingħataw l-istess ħlas għall-istess xogħol li jagħmlu l-ħaddiema fl-istess post tax-xogħol ma’ ħaddiema oħra. 

Dan aħna mhux biss nammirawh imma nibqgħu nsostnuh għaliex id-dinjità tal-ħaddiema tiġi qabel kull interess ieħor. Nemmnu wkoll li ħaddiem kuntent u seren fuq il-post tax-xogħol tiegħu ifisser ħaddiem iktar produttiv li jagħti dak kollu li jista’ skont il-ħiliet li jkollu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport