Saturday, December 14, 2024

Impoġġija 40 ballot bin ġdid f’bajjiet bir-ramel għal-loqom tas-sigaretti

Aqra wkoll

Ġew impoġġija mal-40 ballot bin fil-bajjiet bir-ramel madwar il-Gżejjer Maltin. Dawn il-bins qed jitwaħħlu bħala parti mill-kampanja “Saving Our Blue”, bl-għan li jitkattar l-għarfien dwar il-protezzjoni ambjentali.

Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ aktar biex il-loqom tas-sigaretti ma jkomplux jintremew b’mod irresponsabbli fil-bajjiet. Fid-diversi bajjiet, il-pubbliku se jsib diversi bins tal-kampanja “Don’t Litter with your Filter”.

Minn stħarriġ li sar mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża fl- 2021 irriżulta li 98.1% tal-individwi f’Malta li jpejpu huma konxji tal-fatt li r-rimi fl-ambjent huwa illegali, filwaqt li 11% ta’ dawk li jpejpu jammettu li xorta waħda jarmu l-loqom tas-sigaretti fl-art.

Waqt diversi clean-ups organizzati parti mill-kampanja “Saving Our Blue” tul is-snin, deher biċ-ċar li l-loqom tas-sigaretti huma fost l-aktar skart miġbura minn fuq il-bajjiet.

Il-loqom tas-sigaretti jaqgħu fil-kategorija ta’ single-use plastic għax huma magħmula mill-plastik. Dawn jieħdu 10 snin biex jiddiżintegraw.

“Minn diversi clean-ups li qed isiru f’dawn ix-xhur qed insibu diversi oġġetti tal-plastik li jagħmlu ħsara ambjentali marittima. B’aktar inizjattivi bħal dawn irridu nħallu impatt pożittiv fuq l-ambjent biex b’hekk ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawdu minn ambjent sabiħ ta’ pajjiżna”, qalet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli. Hija ħeġġet lill-pubbliku biex ikun aktar responsabbli.

F’Malta ġew impoġġija mal-25 kontenitur, fosthom fl-Armier, l-Għadira, f’Golden Bay, f’Għajn Tuffieħa,  fil-Ġnejna, f’Little Armier, f’Paradise Bay, fil-Bajja s-Sabiħa, fil-Bajja ta’ San Ġorġ, u fil-Bajja tat-Torri l-Abjad.

Ġew impoġġija wkoll mal-15-il kontenitur f’Għawdex u Kemmuna, fi Blue Lagoon u f’Santa Marija, f’Daħlet Qorrot, f’Ħondoq ir-Rummien, f’Marsalforn,  f’Imġarr ix-Xini, fir-Ramla l-Ħamra, f’San Blas,  fix-Xlendi u fix-Xwejni.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss
Ekonomija

Sport