Mhux darba jew tnejn li minn dawn il-kolonni tkellimna dwar il-problema tal-iskart, li fil-parti l-kbira tagħha hi kkawżata min-nuqqas ta’ responsabbiltà aktar milli difetti fis-sistema. Hi problema li għadha tippersisti f’dawk il-lokalitajiet li huma l-aktar popolati fejn jidher li mhux kulħadd qiegħed jimxi mal-iskeda nazzjonali ġdida dwar il-ħruġ u l-ġbir tal-iskart.
Dan kollu minkejja l-kampanja wiesgħa li saret biex il-poplu jkun aktar konxju ta’ liema borża trid toħroġ fit-tali ġurnata. Nemmnu li issa għadda żmien biżżejjed biex min kellu jidra din is-sistema, jidraha u għalhekk issa rridu nħarsu lejn infurzar li jkun wieħed b’saħħtu u li jservi ta’ deterrent sabiex intaffu l-problema tal-iskart.
Dan qed ngħiduh għaliex ma jistax ikun aktar nibqgħu f’sitwazzjoni fejn ħafna joħorġu barra l-boroż tal-iskart meta jidhrilhom anke f’ħinijiet li mhux suppost. Sitwazzjoni li qed tagħti dehra kerha ta’ pajjiżna saħansitra anke mat-turisti li jiġu jżuruna.
Jidher li l-problema mhijiex fir-rigward tal-ħruġ tal-boroż tal-iskart, imma hemm ukoll il-fatt li mhux kulħadd qed jissepara l-iskart bejn dak li hu organiku u mhux b’mod tajjeb. Dan ukoll inissel problema billi skont ma ngħad ċertu skart jista’ jservi biex joħloq enerġija alternattiva.
Għaldaqstant, jeħtieġ tingħata spinta lill-infurzar għaliex mhux ġust il-ħtija qed tintefa’ fuq kulħadd u mhux biss fuq dawk li mhumiex jaderixxu mal-iskeda kif bdiet minn din is-sena.
Hemm drabi fejn il-boroż speċjalment is-suwed qed jinħarġu tard billejl u jkollhom jibqgħu sal-għada filgħodu sakemm jinġabru. Dan qed joħloq inkonvenjent mhux biss għar-residenti imma wkoll għal minn jgħaddi minn ċertu toroq fi nħawi tad-divertiment.
Aħna napprezzaw l-isforzi kollha mill-entitajiet responsabbli mill-ġbir tal-iskart biex kemm jista’ jkun pajjiżna jinżamm nadif ħalli jkollu dehru isbaħ kif jixraq. Għalhekk inħeġġu lil kulħadd biex isegwi dawn ir-regolamenti li mhuwiex xi ħaġa diffiċli li ssir, jekk verament irridu nkunu poplu ċivilizzat li tassew inħobbu lil pajjiżna.