Tuesday, January 21, 2025

“Importanti li jsir l-assessjar ta’ riskju lil kull vittma li tagħmel rapport”

Il-Kummissarju Samantha Pace Gasan b’reazzjoni għall-inkjesta indipendenti marbuta mal-femiċidju ta’ Nicolette Ghrixi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ġie ppreżentat bir-rapport tal-inkjesta indipendenti mmexxija mill-Imħallef Emmeritu Lawrence Quintano dwar is-servizzi ta’ natura soċjali li ngħatat l-aħħar vittma ta’ femiċidju, Nicolette Ghrixi. Inkjesta li fiha saru 12-il rakkomandazzjoni għall-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. B’reazzjoni għal din l-inkjesta, il-Kummissarju ta’ Kontra l-Vjolenza Abbażi l-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan enfassizzat l-importanza li jsir l-assessjar ta’ riskju.

Gasan speċifikat li, “il-Kummissarju tilqa’ r-rakkomadazzjoni numru 2 li tenfasizza li l-assessjar tar-riskju għandu jsir lil kull vittma li tasal biex tagħmel rapport għand il-Pulizija. Hija tenfasizza li se tibqa għaddejja bil-ħidma ta’ koordinament u implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika”.

B’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet preżentati minn din l-Inkjesta Indipendenti l-Kummissjoni enfasizzat dak li qalet fi stqarrija nhar it-13 ta’ Awwissu 2024 li meta femiċidju jseħħ f’kuntest domestiku, dan ikun wara numru ta’ esperjenzi abbużivi. Il-Kummissarju spjegat li ċertu normi, li l-għeruq fondi tagħhom nibtu f’kull qasam tas-soċjetà, l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u l-isterjotipi tal-ġeneri, ikomplu jinfurzaw attitudnijiet perikolużi u imġieba abbużiva fis-soċjetà tagħna u jimmanifestaw ruħhom f’diversi forom ta’ vjolenza, bl-agħar manifestazzjoni ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru tkun il-femiċidju. 

“Inħeġġu lill-persuni jersqu ’l quddiem”

Bħala l-entità responsabbli mill-Implimentazzjoni, il-Koordinazzjoni, l-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika u sussegwentament l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika 2023-2028, il-Kummissarju Pace Gasan tfakkar li permezz tal-Kumitat Interministerjali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika ssegwi l-ħidma li għaddejja minn entitajiet varji fil-qasam. Barra minnhekk, tqajjem ukoll diskussjonijiet li jwasslu biex jiġu indirizzati diversi sfidi li vittmi jiltaqgħu magħhom. 

Din il-Kummissjoni, flimkien mal-Kumitat Interministerjali, ukoll huma nvoluti f’diskussjonijiet internazzjonali u fuq livell Ewropew dwar żviluppi fil-qasam. 

“Il-Kummissjoni għaddejja b’ħidma kontinwa biex tqajjem aktar għarfien biex tindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, filwaqt li tkompli tippromwovi s-servizzi offruti mill-entitajiet u għaqdiet mhux governattivi u tħeġġeġ lill-persuni jersqu ’l quddiem meta jisfaw vittmi ta’ kull forma ta’ vjolenza,” temmet il-Kummissarju Samantha Pace Gasan. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport