Saturday, December 21, 2024

“Importanti li n-negozji jitkellmu dwar dan is-suġġett u jieħdu azzjoni”

Aqra wkoll

Mark Azzopardi minn Working Town jitkellem dwar webinar li se jtellgħu fil-jiem li ġejjin li se jittratta s-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol

Nhar il-Ħamis 16 ta’ Lulju, l-organizzazzjoni Working Town flimkien mal-General Workers’ Union (GWU), il-Kamra tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) u r-Richmond Foundation se jtellgħu webinar ieħor li se jittratta s-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. 

Dan il-webinar, li huwa t-tieni wieħed minn sensiela ta’ erbgħa li qed jiġu organizzati fuq dan is-suġġett, se jwassal għall-konferenza li se ssir fid-19 ta’ Novembru li ġej fil-lukanda Excelsior, liema konferenza kellha ssir f’Mejju iżda kellha tiġi posposta minħabba l-Covid-19.

Il-kelliema fil-webinar tal-Ħamis li ġej se jkunu Robyn Pratt, fundatriċi ta’ Impact Consulting li se titkellem dwar kif kultura u mentalità pożittiva fuq il-post tax-xogħol jistgħu jgħinu biex kumpaniji jikbru u Martin Richards, professjonist li se jitkellem dwar kif kumpaniji għandhom jippreparaw għal emerġenzi li jistgħu jinqalgħu kawża ta’ problemi ta’ saħħa mentali. 

Wara jingħaqdu magħhom il-Maniġer ta’ Richmond Foundation Dragan Donkov, Nadine Cuschieri Grech, il-psikologu Patrick Psaila u Nazlee Mayhew għal diskussjoni dwar l-“aċċess għal sapport dwar is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol”, u biex jirrispondu għad-domandi.

Intant, inewsmalta tkellmet ma’ Mark Azzopardi mill-organizzazzjoni Working Town li spjegalna kif l-idea wara dawn il-webinars hija biex ikun hemm iżjed għarfien dwar kif kumpaniji, jew min iħaddem, għandhom jagħtu aktar każ tas-saħħa mentali tal-impjegati tagħhom.

“Inħossu li huwa importanti li n-negozji jitkellmu fuq dan is-suġġett u jieħdu azzjoni,” qal Azzopardi li semma kif għall-ewwel webinar li sar fid-29 ta’ Mejju attendew u pparteċipaw madwar 230 persuna. 

Il-webinar tal-Ħamis huwa b’xejn u wieħed jista’ jirreġistra minn fuq is-sit www.mentalwellnessconference.eu/#webinar.

Ekonomija

Sport