Saturday, October 12, 2024

“Importanti li nfasslu d-dinja ġdida tax-xogħol b’kundizzjonijiet tajbin”

Aqra wkoll

Jgħid dan is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Minn Maria Azzopardi

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja jemmen li d-dinja ta’ xogħol li kulma jmur qed tiżviluppa u tinbidel, fejn qed jinħolqu wkoll impjiegi ġodda li anke f’pajjiżna qed isiru popolari, hija opportunità unika li rridu naħtfu biex noħolqu din id-dinja ġdida mingħajr ma jbati l-impjegat u għaldaqstant din għandha titfassal b’kundizzjonijiet tajbin.

Is-Segretarju Ġenerali Bugeja qal li huwa importanti li d-drittijiet miksuba matul iż-żminijiet jiġu protetti u adattati għall-mod kif naħdmu fil-futur. Apparti minn hekk, Bugeja qal li għandu jiġi salvagwardjat id-dritt tal-assoċjazzjoni u sostna li dawk il-ħaddiema li jagħmlu parti mill-GIG economy, magħrufa wkoll bħala platform economy, ikollhom id-drittijiet bħal ħaddiema l-oħra. Dan ifisser li d-drittijiet u l-obbligi li hemm fuq il-post tax-xogħol jiġu estiżi għall-post ta’ fejn se taħdem. Huwa importanti wkoll li jiġi mħares id-dritt tar-right to disconnect anke f’każ ta’ xogħol remot. Bugeja żied jgħid li fattur ieħor importanti jrid ikun li tikkalkula l-produttività mhux tissorvelja l-impjegat.

Is-Segretarju Ġenerali Bugeja qal dan wara laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) fejn għaliha kien preżenti l-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol Carmelo Abela. Fost it-temi li ġew diskussi f’din il-laqgħa kien hemm id-dinja ġdida tax-xogħol, il-gender pay gap u tħabbar li se jiġi ikkummissjonat rapport tekniku dwar id-dħul finanzjarju bażiku għal dħul aktar diċenti għal kulħadd. Dwar dan tal-aħħar, is-Segretarju Ġenerali Bugeja 

qal li l-GWU qed taħdem flimkien mal-Alleanza kontra l-faqar u l-Moviment Graffitti bil-għan li jingħata definizzjoni ta’ dan il-kunċett u mbagħad jiġi kkalkulat.

Dwar il-gender pay gap, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Bugeja jemmen li dan huwa fattur li għandu jiġi indirizzat fejn apparti li naraw għalfejn qed jiġri hekk, irridu naraw is-soluzzjonijiet. Huwa qal,“Irridu naraw x’qed jikkawża l-gender pay gap, u nanalizzaw is-sitwazzjoni u s-setturi milquta.  Hemm bżonn li jkun hemm soluzzjonijiet kemm f’qasir żmien (short term) kif ukoll fit-tul,” filwaqt li żied jgħid li waħda mill-għodod li tista’ tiġi indirizzata hija t-trasparenza fil-pagi.

Bugeja temm jgħid li l-GWU lesta tipparteċipa b’mod attiv fid-diskussjonijiet li jridu jsiru u fit-tfassil kemm tar-regolamenti tax-xogħol u ordni għall-kunsill tal-pagi.

Se jitħejja rapport tekniku dwar id-dħul finanzjarju bażiku

Il-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol Carmelo Abela ħabbar li se jiġi ikkummissjonat rapport tekniku dwar id-dħul finanzjarju bażiku għal dħul aktar diċenti għal kulħadd. Il-Ministru Abela spjega li l-kunċett tad-diskussjoni dwar dan kompla javvanza wara l-ftehim storiku dwar il-paga minima nazzjonali qabel l-elezzjoni tal-2017. L-Ekonomista u Professur Joe Falzon se jkun qiegħed jagħmel din ir-riċerka u se jibda billi jħares lejn l-esperjeza ta’ pajjiżi oħra b’rabta ma’ dan il-kunċett.

Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Abela qal li kien hemm numru ta’ punti ewlenin li qamu wara konsultazzjoni li kellu flimkien mal-isħab soċjali. Fost it-temi prinċipali kien hemm il-ħtieġa li jkun hemm flessibiltà li tintuża skont il-bżonn, l-element ta’ fiduċja reċiproka bejn il-ħaddiem u min jimpjegah u li meta jkun hemm qbil huwa importanti li minnu jibbenefikaw iż-żewġ naħat.

Il-Ministru Abela tkellem ukoll dwar il-fatt li skont L-ILO wieħed minn kull erba’ xogħolijiet jista’ jsir mid-dar u dan ifisser li hemm benefiċċji oħra għal meta wieħed ma jaħdimx dejjem mill-post tax-xogħol.

Il-Ministru għamel referenza għat-teleworking u remote working u sostna li għandhom l-importanza tagħhom u qal li m’hemm l-ebda dubju li meta wieħed jista’ jaħdem b’mod remot, jista’ jgawdi kulħadd u jkun hemm effett pożittiv fuq is-soċjetà kollha. 

Punt ieħor fuq l-aġenda kien jitratta dwar il-gender pay gap fejn il-Ministru qal li dan huwa suġġett li jista’ jkun ftit delikat imma jħoss li jekk jiġi affrontat b’mod tajjeb, jgħina nimxu ‘l quddiem mhux biss fi kwistjoni ta’ ġustizzja imma kwistjoni ta’ kif l-ekonomija tagħna tkompli tikber. Huwa qal li jekk hemm nisa li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, din l-opportunità għandha tingħata.  Il-Ministru aċċenna għall-fatt li tul dawn l-aħħar snin saru diversi inizjattivi mill-Gvern biex jaraw li aktar nisa joħorġu jaħdmu, iżda filwaqt li jemmen li għamlu suċċess, għadna ma wasalniex fejn irridu. Huwa temm jgħid li għaldaqstant qed jipproponu li jkun hemm kumitat ieħor li jindirizza dan is-suġġett.

Sport