Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport fosthom lejn l-atketika?
Min mindu kont żgħir, l-isport preferut tiegħi kien dejjem il-basketball. Lgħabt f’timijiet lokali, mal-Malta Falcons u mat tim-nazzjonali Malti għal 12-il sena, feja irbaħna diversi kampjonati lokali, u midalja tal- fidda fil-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar. Bdejt it-triathlon u l-atletika fid-distanzi twal wara li weġġajt fil- basketball u kelli nieqaf nikkompeti ta’ 35 sena.
X’unuri maġġuri rbaħt fl-atletika kemm fix-xena lokali kif ukoll f’dik internazzjonali?
Kif semmejt, ma tantx ikkompetejt fl-atletika lokali, peró, ħadt sehem f’diversi maratoni, ultra-maratoni u tlielaq tat-triathlon twal bħall-Ironman barra minn xtutna. F’ħafna minnhom kont l-ewwel Malti li pparteċipa, inkluż il-Maraton Des Sables, UTMB, PatagonMan, Extreme Brutal, u oħrajn madwar id-dinja. L-iskop dejjem kien li nispiċċa t-tellieqa, aktar milli nirbaħ, peró, kelli riżultati pożittivi wkoll.
Kif nibtet l-idea li tifforma ‘Xterra Malta’?
Tnax-il sena ilu ma kienx hemm ħafna tlielaq għal min kien iħobb l-avventura u sport fin-natura. Anke llum, ħafna mill-kompetizzjonijiet tal-ġiri huma fit-toroq. Għalhekk, flimkien ma’ Antonello Gauci iffundajna Hellfire Events, li organizzat Trail Runs, SwimRuns u Cross Triathlons f’Malta u Għawdex. Bil- mod il-mod bdew ġejjin parteċipanti mid-dinja kollha, anke permezz tal-Awtoritá tat-Turiżmu Maltija (MTA) li għenuna bis-sħiħ biex inxerrdu il-kelma barra minn xtutna. Għaxar snin ilu ħassejna li jekk nissieħbu u niffurmaw parti mill-familja XTERRA, ditta ta’ tlielaq madwar id-dinja kollha, hemm ċans kbir li nkomplu nikbru. Barra minn hekk, permezz tal-XTERRA tajna opportunitá lill-atleti Maltin li jikkompetu mal-aħjar atleti tad-dinja mingħajr ma jkollhom isiefru.
X’inhu s-sigriet wara s-suċċess tagħha sena wara l-oħra?
Bla dubju, l-esperjenza f’Malta ghal kull parteċipant. Mhux biss it-tlielaq fihom innifishom, iżda wkoll l-Expo u l-‘villaġġ’ tal-atleti, l-ispettaturi, il-mużika u l-briju, ił-premijiet u l-aktar ħaġa importanti – l-isbuħija tan-natura fejn intellqu. Kemm il-Majjistral f’Malta, il-bajjiet ta’ Kemmuna u d-dawra t’Għawdex huma fost l-aqwa postijiet fl-Ewropa biex torganizza tlielaq bħal tagħna.
Kif tqis il-mentalità tal-isport f’pajjiżna?
Il-mentalita sportiva f’Malta hija pożittiva, u hemm ħafna opportunitajiet biex tipprattika l-isport b’mod organizzat. Għandna ftit nuqqas meta niġu għall-mentalitá sportiva professionali, fejn il-futbol u l-waterpolo biss jitqiesu, (u forsi l-isparar wara s-suċċessi ta’ William Chetcuti). Ovvjament, il-mentalitá kollettiva tal-pajjiż ukoll tirrifletti fl-edukazjoni dwar l-isport u l-eżerċizzju.
Fil-fatt, il-problema huwa aktar l-eżercizzju, li hija kemmxejn differenti mill-isport. Persentaġġ żgħir wisq jagħmel eżercizzju regolari, ħdejn pajjiżi oħrajn, u naraw ir-riżultat ta’ dan fir-rati tal-obeżitá, problemi fil-qalb u ċirkolazzjoni f’pajjiżna. Il-Gvern u l-privat iridu jinvestu aktar, f’postijiet miftuħin għal kulħadd, speċjalment fin-natura, biex aktar nies jagħmlu eżercizzju regolari, b’mod aktar faċli u mingħajr skużi.
U l-livell tar-riżorsi marbuta mal-isport f’pajjiżna?
Il-livell tal-isport u atleti li nipproduċu mhux dejjem għandu x’jaqsam mal-faċilitajiet. Ħu lil Neil Agius u Fabio Spiteri, li jagħmluna kburin b’livell internazzjonali minghajr riżorsi partikolari (jekk ma nqisux ir-riżorsi mentali u fiziċi tremendi tagħhom!). Naħseb li l-mentalitá tal-isport norbtuha wisq mal-faċilitajiet. Naqbel ovvjament li faċilitajiet moderni, miftuħin għal kulħadd, b’kowċis kwalifikati se jżidu l-kwalitá tal-isport f’Malta; ċerti sports bħal ‘track and field’ jew tennis ma tistax tagħmilhom fit-triq! Nemmen, peró, li m’għandniex nużaw limitazjonijiet ta’ riżorsi bħala skuża għal mentalitá sportiva medjokri.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-isport.
Messaġġ partikolari ġej mill-eżempju tiegħi personali. Kien biss wara li weġġajt fl-isport tal-basketball li skoprejt li kelli l-‘endurance’ fija biex intellaq mad-dinja kollha fi sport totalment differenti.
F’aspett ieħor, li kien passatemp u volontarjat norganizza tlielaq, kiber biżżejjed li llum sar ‘business’. Jiġifieri, jekk tixtieq tagħmel karriera fl-isport żomm mentalitá miftuħa għal sport differenti, kif ukoll karriera fl-isport li mhux biss isir fil-‘grawnd’. Madankollu, peró, importanti li ninvestu fl-eżerċizzju u attività fizika, għaliex dan jgħinna wkol fl-aspetti mentali u emozzjonali f’ħajjitna!