L-ekonomija globali wriet reżiljenza fl-2025, minkejja tariffi ogħla. Fatturi li għenu kienu prezzijiet taż-żejt u interessi aktar baxxi. It-tkabbir mondjali fl-2026 mistenni jibqa’ madwar 3%, filwaqt li t-tkabbir fl-Unjoni Ewropea mistenni jkun ftit iktar min 1%.
It-tensjonijiet ġeopolitiċi joħolqu inċertezza, li tagħmel ħażin. Madankollu, jaf ikun hemm opportunità għal pajjiżi li jixtiequ jibnu mill-ġdid l-industriji tagħhom biex jiddependu inqas fuq l-importazzjoni. Barra minnhekk, jekk ikun hemm infiq iktar fuq id-difiża u investiment ogħla fit-teknoloġija, bħal dak assoċjat mal-intelliġenza artifiċjali, dawn joħolqu stimolu ekonomiku ġdid.
Il-globalizzazzjoni kkontribwiet għall-moderazzjoni fl-inflazzjoni madwar id-dinja. Il-pajjiżi issa qiegħed jivvalutaw mill-ġdid id-dipendenzi tagħhom u jagħżlu li jbiddlu l-mudelli kummerċjali biex jagħtu prijorità akbar fuq l-affidabbiltà u jorbtu iktar ma’ pajjiżi ġirien u ħbieb, flok ifittxu biss prodotti irħas. Dan ifisser li l-prezzijiet tal-prodotti jistgħu jogħlew.
Malta, bħala ekonomija miftuħa, li tiddependi ħafna fuq l-importazzjoni, hija esposta għal kwalunkwe ċaqliq fil-prezzijiet minn barra, li jistgħu jkunu iktar minħabba l-ispejjeż tat-trasport. Madankollu, fiż-żona tal-ewro, inkluża Malta, sakemm ma jkunx hemm xokkijiet ġodda, il-kunsens bejn l-esperti huwa li l-inflazzjoni fis-snin li ġejjin se tkompli riesqa lejn it-2%, li hija l-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Qegħdin ngħixu f’perjodu fejn ix-xokkijiet saru aktar regolari. Irridu naddattaw lilna nfusna għal perjodi ta’ inċertezza. L-importanti huwa li pajjiż jibni r-reżiljenza biex jiflaħ għax-xokkijiet u jirkupra malajr meta jieħu daqqa. Pajjiżi differenti ma jiffaċċjawx l-istess realtajiet.
Malta kienet storja ta’ suċċess fejn grazzi għad-diversifikazzjoni ekonomika tagħha, l-appoġġ li ngħata mill-Gvern, rati tal-imgħax stabbli u turiżmu qawwi, esperjenzat irkupru malajr u tkabbir ogħli wara l-pandemija. Jekk inħarsu ‘l quddiem, it-teknoloġija se jkollha rwol importanti, hekk kif ħafna pajjiżi jiffaċċjaw il-prospetti ta’ popolazzjoni tixjiħ u fertilità baxxa. L-intelliġenza artifiċjali tista’ tgħin ittaffi dawn l-isfidi jekk twassal għal produttività ogħla. L-impatt se jiddependi fuq kemm il-pajjiżi jirnexxilhom jadottaw malajr din it-teknoloġija fl-isferi kollha tal-ħajja u tan-negozju.
L-impatt sħiħ tat-tariffi għad irid jiġi determinat. Meta n-negozji saru konxji tal-prospetti tat-tariffi kienu pro-attivi biżżejjed biex jesportaw il-prodotti tagħhom qabel l-introduzzjoni ta’ tali tariffi. Din hija raġuni waħda għaliex it-tkabbir ekonomiku ma kienx affettwat ħafna fl-2025.
‘Il quddiem, inqas kummerċ jista’ jkollu impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku. Madankollu, s’issa t-tbassir ekonomiċi ma jurux bidliet kbar mix-xejriet tal-2025, peress li r-reżiljenza osservata s-sena li għaddiet tawgura li anke din is-sena l-affarijiet jimxu normali u ma jkunux daqshekk ħżiena kif kienu mistennija fil-bidunett.
M’ħandniex wisq esperjenza mill-passat biex tgħinna nbassru eżattament x’se jiġri għax il-mudelli ekonomiċi ma jaqbdux il-kumplessitajiet kollha tal-iżviluppi kurrenti.
Jekk tħares lejn it-tbassir ekonomiku mill-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-agenziji tar-ratings internazzjonali, hemm kunsens li t-tkabbir ekonomiku f’Malta mistenni jkun qrib l-4%. Bħala pajjiż żgħir, Malta spiss uriet li tista’ timxi ’iI quddiem anke jekk ikun hemm problemi barra minn xtutna.
Tkabbir ekonomiku jfisser aktar impjiegi, dħul ogħla għall-familji, iktar konsum, negozju tajjeb u finanzi pubbliċi li jippermettu iktar infiq fuq programmi soċjali u investimenti.

