Friday, January 31, 2025

Importanti li tasal fejn tasal fil-karriera tiegħek, tibqa’ umli u żżomm saqajk mal-art – Samuel Bartolo (Valletta SC)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-table football?

Meta kelli 12-il sena kien hemm ħabib tiegħi l-iskola li kien jilgħab u ħajjarni mmur. Il-Valletta Subbuteo club kien jiltaqa’ ġewwa s-Supporters Club tat- Tottenham Hotspur li nzerta kien jieħu ħsiebu z-ziju tiegħi.

X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek kemm fuq bażi lokali kif ukoll fix- xena internazzjonali?

Fuq bażi lokali rbaħt l-unuri kollha – Champion ta’ Malta disa’ darbiet, Malta knock-out 11-il darba u Super cup tmien darbiet.

Internazzjonali individwali: Major ta’ Bologna, Italia, Major ta’ Ateni, Greċja u Major ta’ Fremeries, Belġju.

Internazzjonali timijiet: Major ta’ Fremeries, Belġju (tliet darbiet), Major ta’ Ateni, Greċja u Major ta’ Pariġi, Franza.

Tim Nazzjonali Malti timijiet: Tazza tad-Dinja Malta (under 19) u Tazza tad-Dinja Ġermanja (open)

Iddeskrivi l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa.

Dan l-istaġun bħala Valletta Subbuteo Club sa issa ħadna sehem fiċ-Champions League fejn għalkemm ma ksibniex ir-riżultati li xtaqna, kellna prestazzjonijiet tajba u spiċċajna fir-raba’ post. Fil-jiem li għaddew, ħadna sehem ukoll fil-major ta’ Pariġi, fi Franza, fejn inqlajna mir-rebbieħa ta’ dan l-istess major Fiamme Azzurre fil-kwarti tal-finali.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Dan l-istaġun baqa’ diversi kompetizzjonijiet. Barra minn Malta baqagħlna mmorru l-major tal-Belġju u dak ta’ Spanja. Lokalment, baqa’ l-kompetizzjoni tal- kampjonat ta’ Malta u n-knock-out tat-timijiet Maltin. Hemm ukoll tournaments internazzjonali li se jsiru ġewwa pajjiżna. It-tragward tagħna huwa dak li niġġieldu dejjem għall-ewwel post.

Kif tqis il-livell tat-table football lokali fil-preżent?

Il-livell tal-plejers u l-klabbs Maltin minn dejjem kien wieħed tajjeb ħafna. Plejers Maltin ikunu dejjem imfittxija minn klabbs barranin biex jilagħbu magħhom. Barra minn hekk bħala klabbs għandna żewġ timijiet mal-ewwel tlieta fir-rankings mondjali.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Ir-riżorsi bħalissa ma nistax ngħid li huma mill-aqwa, peró, hemm kumitat jaħdem qatigħ u ċert li se naslu biex forsi xi darba bħala sport tat-table football ikollna post fejn inkunu nistgħu nilagħbu u nittrenjaw biex fl-aħħar mill-aħħar inkomplu naħdmu biex inġibu aktar unuri lejn pajjiżna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-table football?

Nittama li nibqa’ nżomm il-livell u nżid mieghu forsi nkun nista’ nirbaħ l-unuri li dejjem kienu l-objettiv tiegħi, kif ukoll nibqa’ ngħin lit-tim tiegħi Valletta Subbuteo Club kif ukoll lit-tim nazzjonali Malti biex naslu fejn irridu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fit-table football.

Ovvjament, is-suċċess ma jiġix mix-xejn. Hemm bżonn ta’ ħafna taħriġ u tieħu sehem f’ħafna tournaments barra minn pajjiżna ħalli dejjem iġġib l-esperjenza u ttella’ l-livell tiegħek. Importanti li tasal fejn tasal fil-karriera tiegħek, tibqa’ umli u dejjem iżżomm saqajk mal-art!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport