Tuesday, February 4, 2025

Importanti li tibqgħu dedikati, reżiljenti u fl-aħħar mill-aħħar tħobbu dak li qed tagħmlu – Mattia Zarb

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?


Sa mill-etá ta’ tliet snin niftakarni mmur ma missieri u ommi nara lil ħija jittrenja ix-Xagħra tal-Furjana, u minn sempliċiment insegwi is-sessjoni ta’ taħriġ minn barra kont nispiċċa niġri fil-haxix nixxuttja l-ballun. Immur fejn immur niftakarni dejjem bil-ballun miegħi. Parti kbira mlil-imħabba tiegħi lejn il-ballun nista’ ngħid li kienet il-familja tiegħi, li mill-ewwel ġurnata li missejt il-ballun sal-lum dejjem sibthom ta’ spalla u inkoraġġiment biex noħroġ il-massimu tal-abbiltajiet tiegħi.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ San Ġwann FC.

Dan huwa t-tieni staġun tiegħi mal-klabb u nista’ ngħid li sa mill-ewwel ġurnata li ngħaqadt ma’ dan il-klabb, sibt familja li laqatni b’idejn miftuħin. Speċjalment dan l-istagun nemmen li t-tim qiegħed ħafna aktar magħqud u ppreparat għal kull ostaklu li nistgħu naffaċċjaw tul l-istaġun. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Fattur importantissimu li jirrifletti l-pżsizzjoni tagħna fil-klassifika huwa l-ghaqda. L-għaqda li għandna bejnietna mhux biss il-plejers li nkunu fil-grawnd iżda anke l-istaff tekniku u l-membri tal-kumitat. Nemmen li mill-ewwel ġranet ta’ taħriġ fis-sajf waqt il-‘pre-season’, il-kowċ Xavier Saliba rawwem kulturá u sistema ta’ logħob li qed tiġi riflessa fil-prestazzjonijiet li qed nagħtu ġimgħa wara l-oħra. 

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragward principali tat-tim għal dan l-istaġun nista’ ngħid li lħaqnieh. Dan kien li nikkonfermaw postna fit-top 6 tal-Amateur League 1. Nemmen li minn dawn is-seba’ logħbiet li fadal l-għan hu li nieħdu kemm jista’ jkun punti biex jekk ikun hemm ċans ta’ promozzjoni, naħtfuh. 

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Xavier Saliba?

Huwa kowċ dedikat u ppreparat ħafna. L-għaqda u l-grinta li l-kowċ jitrażmetti lit-tim tagħna hu rifless fit-traġit tat-tim tul dan l-istaġun. Kien hemm diversi logħob fejn sibna ruħna gowl min taħt u dawwarna ir-riżultat. Personalment, nemmen li huwa wieħed mill-aqwa kowċis li qatt ħdimt miegħu, għen lili u lill-kumplament tal-iskwadra intejbu n-nuqqasijiet tagħna sabiex inkomplu ngħollu l-livell tal-prestazzjonijiet tagħna.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Tul dawn l-aħħar snin nemmen li madwar id-diviżjonijiet kollha, il-livell tal-futbol f’Malta għola, speċjalment fit-Tieni u fl-Ewwel Diviżjoni. Ovvjament, ikkumparat mal-ogħla livelli ta’ futbol fid-dinja fadlilna ħafna u ħafna x’naqdfu. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-livell tar-riżorsi f’termini ta’ fejn nilagħbu l-logħob tal-kampjonat nemmen li tranġaw. Kien hemm pitches li tul il-waqfa tas-sajf saru xogħlijiet fuqhom fejn irranġaw kemm it-turf kif ukoll id-dwal. Bħala riżorsi tat-taħriġ, kull klabb għandu l-limitazzjonijiet tiegħu peró nemmen li ħafna klabbs jippruvaw joperaw bl-iktar mod professjonali li jistgħu bir-riżorsi li għandhom. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Lejn il-futur tiegħi fil-futbol qed inħares b’ottimiżmu. L-għan tiegħi hu li nkompli ngħolli l-livell tiegħi personali biex kemm jista’ jkun nilgħab f’diviżjonijiet aħjar.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Ninkoraġġixxi lil dawk kollha li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol. Bħal kull sitwazzjoni oħra tal-ħajja, karriera fil-futbol għandha t-tlajja u l-inżul tagħha peró importanti li tibqgħu dedikati, reżiljenti u fl-aħħar mil-aħħar tħobbu dak li qed tagħmlu! 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport