Saturday, November 9, 2024

Imprenditur Taljan telaq minn pajjiżu u stabbilixxa ruħu f’Malta

Aqra wkoll

“Minkejja x-xogħol ta’ kostruzzjoni, it-trab, il-krejnijiet, it-traffiku u l-problema tal-parking, dan il-pajjiż għandu xi ħaġa speċjali għalija. Tani dik il-maġija li ftit pajjiżi għandhom u jien qed nieħu gost nara n-negozju tiegħi jikber bl-aktar mod san possibbli.” 

Dan stqarru ma’ dan is-sit, Fausto Soldini li hu meqjus bħala ambaxxatur denju tal-ikel Taljan partikolarment dak minn belt twelidu Ruma. Soldini ilu għal dawn l-aħħar snin jgħix f’Malta fejn fetaħ xejn inqas minn tmien ristoranti li jservu l-ikel tipikament Ruman partikolarment il-famuża Pizza Romana u ikel ieħor bħal dak imsejjaħ Cacio e Pepe, għaġin tipiku tar-reġjun tal-Lazio.

Ilu għal aktar minn 40 sena bir-ristoranti u ftit tas-snin ilu meta ġie Malta mal-ewwel sar iħobb il-kultura, id-drawwiet u l-pajjiż inġenerali. Huwa jgħid li Malta għandha post speċjali f’qalbu u jsejjaħ il-gżejjer Maltin bħala ġojjell.

“Żort l-ewwel darba l-gżejjer Maltin ma’ ħabib għaxar snin ilu meta Malta kienet xi ftit differenti milli hi llum. Niftakar li kien ħallieni fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta għal xi ħin waħdi u jien bdejt nammira l-post u fuq kollox ninnota ħaġa partikolari. In-nies bdew isellmuli, xi ħaġa li f’Ruma ma kontx imdorri biha. Tara n-nies tgħidilhom bonġu jew kif int, hi xi ħaġa li f’Ruma lanqas biss joħolmuha għax l-ebda persuna ma tħares lejn wiċċ ħadd.”

Soldini, jiftakar li ra xi ħaġa differenti hawnhekk, u għalhekk ġie għal darb’oħra ma’ martu għall-vaganza u ħa deċiżjoni ħabta u sabta. “Ridt inbiegħ ir-ristoranti kollha li kelli fl-Italja u niġi nistabilixxi ruħi hawnhekk. Naf li kienet deċiżjoni riskjuża iżda ridt noħodha.”

Wara kważi għaxar snin hawnhekk, Soldini rnexxielu jiftaħ diversi stabbilimenti f’pajjiżna fosthom f’San Ġiljan, fil-Gżira, fil-Belt Valletta, f’Marsaskala, fl-Ajruport internazzjonali ta’ Malta u dalwaqt ikollu l-fabbrika speċjalizzata tiegħu fil-by-pass tal-Imrieħel fejn hemmhekk jista’ jipproduċi ħafna mill-prodotti b’mod dirett. 

Kull ristorant joffri atmosfera sabiħa u eċċellenti tipika Taljana fejn l-ikel hu l-protagonista prinċipali għal-lejla mill-isbaħ u kumpanija mill-aqwa, b’ħaddiema li huma ferm mill-aħjar u li skont hu iżidu mal-atmosfera li joffru r-ristoranti tiegħu.

Soldini jgħid li anke fiż-żmien tal-pandemija tal-COVID-19 hu xorta baqa’ joffri s-servizzi bħala ristoranti, għalkemm fuq bażi ta’ take away filwaqt li baqa’ jħallas lill-ħaddiema li ħadmu qatigħ sabiex ir-rota b’xi mod tibqa’ ddur. Kien żmien ferm diffiċli li iżda b’xorti tajba ħarġu minnu b’rashom mgħollija speċjalment għax qagħdu bil-għaqal u raw li l-ħaddiema impjegati magħhom ma jkun jonqoshom xejn..

Saqsejna lil Fausto Soldini dwar il-popolarita’ tal-pizza Romana hawn Malta u weġibna “Biżżejjed ngħidlek li n-nies isaqsuni għaliha għax għandha ingredjenti partikolari li ma ssibhom imkien. Biex tagħmel l-għaġina ta’ din il-pizza trid dqiq partikolari li jiswa mhux ħażin. Biex inkun qed ngħidlek kollox, nagħmlu erba’ tipi ta’ dqiq differenti. Iżda mbagħad ir-riżultat hu wieħed eċċellenti. It-togħma hi waħda bnina u l-ingredjenti huma bħas-soltu ġenwini.”

“Anke fejn għandu x’jaqsam għaġin, nagħmlu dawk tradizzjonali iżda l-Maltin u anke t-Taljani li jiġu fir-ristoranti tagħna jkunu jridu l-prodott Ruman. Dan kollu jimlina b’kuraġġ kbir u dejjem naraw kif se nżidu aktar sabiex il-klijenti tassew jibqgħu sodisfatti.”

Hu jgħid li bħala ristorant ma jbigħux pizza b’xi tlieta jew erba’ ewro għax it-togħma żgur li ma tkunx superjuri. Madankollu huma jagħmlu ċert li ma jeżaġerawx fil-prezzijiet u xorta jżommu l-kwalità tagħha bl-aqwa mod possibbli. Dan jagħmluh għax iridu klijenti sodisfatti u li ġaladarba ġew darba, jiġu u jibqgħu jiġu.

Insaqsu lil Soldini dwar kemm Malta bħala pajjiż tgħin sabiex imprenditur barrani jkun jista’ jiġi jinvesti hawn.

“Għalija Malta offrietli opportunità kbira u sabiħa sabiex ninvesti bil-għaqal u nibda nkabbar ftit ftit. Fl-Italja l-imprendituri jiġu intaxxati ħafna, kważi 75 fil-mija li hu ferm impossibbli li tiżviluppa l-operat tiegħek. F’Malta r-rata ta’ taxxa hi ta’ 35 fil-mija u naħseb li hi ferm raġjonevoli sabiex tibda negozju ġdid. Huwa għalhekk li qed naraw ħafna imprendituri Taljani li qed jiġu jinvestu hawnhekk għax qed jaraw li n-negozju jista’ jikber mingħajr spejjeż eżaġerati. ”

Soldini jgħid li l-Maltin saru jfittxu prodotti li forsi aktar qabel ftit kienu jafu bihom fosthom il-famuż guanciale. Ħafna jħalltu dan il-prodott mal-bejken u hu jgħidilhom li dan hu ferm differenti mill-ieħor. Barra minn hekk, l-istess Maltin ifittxu prodott ta’ kwalita’ speċjalment il-pizza Romana li saret ferm mitluba anke minħabba t-togħma bnina tagħha.

L-imprenditur Ruman jgħid ukoll li hu ferm attiv fil-midja soċjali speċjalment minħabba l-kummenti li joħorġu minn siti partikolari fosthom Trip Advisor fejn in-nies jikkummentaw dwar l-esperjenza li jkunu għaddew fir-ristoranti tiegħu.  

“Ikun hemm kummenti ġenwini fejn nieħu pjaċir nara li n-nies għoġbithom il-pizza Romana. Il-gost u pjaċir tiegħi ukoll nara li l-isforzi li nagħmlu sabiex naraw il-klijenti kuntenti qed ikunu apprezzati.”

“Jien nilqa’ wkoll kritika kostruttiva għax hekk biss inkun nista’ ntejjeb l-operat tiegħi. Dawn il-kummenti jsaħħuk iktar għax jgħinuk tara fejn tista’ tagħmel servizz aħjar.”

Soldini jsostni t-twemmin tiegħu fil-midja soċjali li hi parti mis-suċċess ta’ ristorant jew stabbiliment ieħor tal-ikel. In-nies jikkummentaw il-ħin kollu u importanti li wieġed ikun jaf x’inhu jiġri. Barra minn hekk il-midja soċjali bħal Facebook u Instagram huma sors importanti fejn tista’ tirreklama l-prodott għax in-nies ikunu kurjużi u jridu jkunu jafu. 

Iżda kemm hu importanti li jkollok il-kompetizzjoni f’dan is-settur?

“Lili l-kompetizzjoni togħġobni ħafna. Aħjar ikolli kompetituri li bħali jagħmlu l-pizez ta’ Ruma għax il-monopolju mhu tajjeb għal ħadd.”

Soldini jgħidilna li bħalissa għandu madwar 80 ħaddiema impjegati fir-ristoranti tiegħu u kollha kemm huma għandhom kuntratt sabiex iserrħu rashom fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Hu jerġa’ jtenni li Malta tatu ħafna f’dawn l-aħħar għaxar snin, kważi kważi aktar minn 40 sena bħala imprenditur fl-Italja.

Sport