L-eks Prim Ministru tal-Pakistan Imran Khan u martu Bushra Bibi ġew ikkundannati sentenzi oħra ta’ ħabs b’rabta ma’ allegat każ ta’ frodi li jinvolvi rigali tal-istat.
Huma nstabu ħatja li kisru r-regoli tal-Pakistan dwar ir-rigali wara li Bibi ngħatat sett ta’ ġojjellerija lussużi minn Mohammed bin Salman tal-Arabja Sawdija waqt żjara statali fl-2021.
Il-koppja kienu diġà qed jiskontaw terminu ta’ priġunerija fuq każi oħra, bis-sentenzi l-ġodda – 10 snin fuq ksur ta’ fiduċja u seba’ snin fuq imġiba kriminali, flimkien ma’ multa – se jkunu qed jiġu skontati fl-istess ħin mas-sentenzi preċedenti tagħhom.
Khan iddeskriva l-akkużi bħala li huma “movitati politikament” u l-Avukat tiegħu, f’kummenti ma’ BBC News, qal li d-Difiża mistennija tikkontesta l-verdett.
Dan l-aħħar każ ikompli mas-sensiela ta’ akkużi mressqa kontra Khan, li ilu detenut sa minn Awwissu tal-2023. F’Jannar, huwa ġie kkundannat 14-il sena ħabs f’każ separat ta’ korruzzjoni.
Huwa affaċċja akkużi f’aktar minn 100 każ, li jvarjaw minn żvelar ta’ sigrieti tal-istat sa bejgħ ta’ rigali tal-istat. Madanakollu, il-midja internazzjonali ma setgħetx tikkonferma n-numru eżatt ta’ każijiet imressqa kontrih.

