Omm ta’ tifel, għaddiet minn martirju sħiħ fejn spiċċat imsawwtha, maħqura u vittma ta’ theddid, tant li kellha titlaq minn Malta għax ħajjitha kienet f’periklu. It-theddida kienet ċara li tinqatel jew li tispiċċa f’siġġu tar-roti. Tilfet tqala ta’ tewmin minħabba dak li għaddiet minnu u fl-Ingilterra ukoll spiċċat ma kinitx sigura għax żewġha kien jaf fejn qed tgħix u għalhekk anki minn hemm kellha titlaq. Kien att ta’ karità li wettqet din il-mara ma’ mara oħra ħabibha tagħha u li aċċettatha f’darha biex ittiha kenn, li finalment wasslet biex iż-żwieġ tkisser. Iddikjarat b’mod ċar li minkejja li talbet l-għajnuna u l-protezzjoni tal-Pulizija, hi mingħandhom ma sabet ebda għajnuna.
L-omm xehdet li kienu ltaqgħu u żżewġu wara ħames snin u kellhom l-ewwel wild tagħhom tlett snin wara ż-żwieġ. Għalkemm kienet tara lil żewġha jagħti kunfidenzi żejda lin-nisa, tgħid li l-problemi fiż-żwieġ tagħhom bdew meta daħlet mara oħra fl-istorja. Tgħid li qabel kellhom l-ewwel wild, kienet diġà tqila b’tewmin u darba minnhom x’ħin daħlet id-dar, kienet sabet lil oħta ħierġa mill-kamra tal-banju. Ir-raġel (tal-mara li qed tixhed) ħareġ warajha b’xugaman biss. Bix-xokk li kienet ħadet, kienet korriet dik it-tqala. Tgħid li kienet iltaqgħet ma’ waħda fuq il-post tax-xogħol u kienet ratha tibki. Għalhekk kienet daħlitha tgħix magħhom. Tiddikjara li ma basritx li żewgha u din it-tifla kienu se jispiċċaw flimkien minħabba li kien hemm differenza fl-età ta’ 22 sena. Madanakollu kienu mistednin għat-tieg ta’ hu din il-mara u dawn għamlu tieġ jiġru wara xulxin. Wara t-tieġ, il-mara kienet keċċietha minn darha. Ġara iżda li wara li telqet, ir-raġel kien beda jqatta’ ħafna ħin barra mid-dar wara x-xogħol u jagħmel iljieli sħaħ barra mid-dar. Kien jgħid lill-mara li kien se joħroġ ma’ sħabu iżda hi tgħid li ma kinitx taf minn kienu dawn sħabu.
Beda jkun vjolenti magħha
Il-mara tgħid li tiftakar li darba minnhom wara li daħal id-dar, ir-raġel kien ftaħar magħha li kien taha xebgħa tajba lil dik il-mara l-oħra biex hi temmnu li ma kienux għadhom flimkien. Ġara li kien beda jkun vjolenti magħha wkoll. Fil-Milied ir-raġel kien ħareġ u qalilha li kien ser jiltaqa’ ma’ sħabu. Il-mara u ommha marru jfittxuh u sabu l-karozza tiegħu barra r-residenza ta’ din il-mara.
Tispjega li matul iż-żwieġ tagħhom, kemm-il darba kienet marret l-għassa biex tagħmel rapport fuq il-vjolenza u t-theddid iżda l-Pulizija ma kienux jieħdu azzjoni kontra tiegħu.
Tkompli tgħid li meta ħuha u l-familja tiegħu kienu ġew Malta fis-sena 2011, ir-raġel kien iltaqa’ mal-mara tiegħu li ma kinitx kelmitu lura u kien ħa għalih. Minħabba dan, hu kien sawwat lill-martu u kien benġlilha wiċċha. Kellhom ikla tal-familja u kulħadd kien induna bil-ġrieħi li kellha f’wiċċha. Waqt li kienu l-ikla, ir-raġel beda jċempel diversi drabi għax beda jissuspetta ħażin fil-mara. Heddidha li kien se jmur joqtolha jew jekk ma jirnexxilux, jitfagħha f’siġġu tar-roti. Il-mara u ħuha kienu marru l-għassa tal-Pulizija iżda ma kinux sabu għajnuna. Is-Surgent kien qalilha li ma setgħux joħorġuh mid-dar matrimonjali u għalhekk beżgħet tmur lura d-dar. Il-mara għażlet li tmur fl-appartament ma’ ħuha u l-familja tiegħu.
Ma ħassithiex protetta u telqet minn Malta
Tixhed li l-avukat tal-fiduċja tagħha kien qalilha li r-raġel tagħha u s-sieħba tiegħu kellhom l-ewwel wild tagħhom. Fuq suġġeriment ta’ ħuha, hi għażlet li titlaq minn Malta għax ma ħassithix protetta. Xtaqet li binha imur magħha iżda dan, li kellu sittax-il sena dak iż-żmien, kien għażel li jibqa’ Malta. Tgħid li Malta ma kellhiex fejn tmur toqgħod jekk mhux fid-dar matrimonjali.
Tenfasizza li anke wara li telqet minn Malta, hu baqa’ jheddidha tant li kienet tibża’ għax kienet taf li hu kien jaf fejn tinsab ir-residenza ta’ ħuha. Telqet mir-residenza ta’ ħuha u marret toqgħod mal-kuġin ta’ mart ħuha f’belt oħra. Dan għamlitu għas-sigurtà tagħha. Tgħid li ma setgħetx tikri għal rasha u għalhekk kienet daħlet tirrisjedi ma’ ħaddiehor tant li lanqas kamra tas-sodda tagħha ma kellha.
Biex għexet fl-Ingilterra kienet tonfoq il-paga kollha u taħdem sahra biex tiġi hawn tara t-tifel
L-omm tispjega li biex setgħet tgħix l-Ingilterra kienet tonfoq il-paga kollha u kemm-il darba kien ikollha tagħmel is-sahra sabiex tkun tista’ tfaddal sabiex tiġi tara t-tfal darba fis-sena. Tgħid li t-tifel iż-żgħir tal-partijiet kien jirrisjedi ma’ familjari tagħhom li ma kellhomx tfal.
Dwar il-mara li hi tat kenn f’darha u minħabba fiha spiċċa tkisser iż-żwieġ, l-omm tgħid li din il-mara kienet ċemplitilha bil-lejl u infurmatha li kienu keċċewha ommha u missierha u tħassritha. Għalhekk kienet daħlitha tgħix għandha. Wara li saret taf bir-relazzjoni tar-raġel ma’ din il-mara, ir-raġel ma baqgħax iqatta’ ħin id-dar. Sempliċiment kien imur għal baskett tax-xogħol filgħodu u kien imur biex jinħasel wara x-xogħol qabel jerġa’ jitlaq ’il barra. Tgħid li m’għadx għandha kuntatt m’uliedha għalkemm kienet baqgħet tibagħtilhom u ċċemplilhom meta telqet minn Malta.
Il-mara l-oħra tgħid li anke hi kienet imsawwta minn dan ir-raġel
Intant il-mara l-oħra xehdet li hi ltaqgħet ma’ dan ir-raġel f’diskoteka. Qalet li dan kien iż-żmien meta martu kienet għadha kemm telqitu u marret tgħix l-Ingilterra. Tgħid li waqt ir-relazzjoni, ir-raġel kien jissuspetta fiha ħafna minħabba d-differenza fl-età. Kien hemm żmien meta kienu jgħixu flimkien bit-tifel tal-partijiet magħhom iżda imbagħad dan telaq jgħix mat-tfajla tiegħu u l-missier baqa’ jirrisjedi magħha sakemm spiċċat ir-relazzjoni tagħhom. Tgħid li kien hemm ħafna swat u abbuż fir-relazzjoni tagħhom speċjalment jekk kienet tirrifjuta li jkollha x’taqsam sesswalment miegħu. Qalet li tellef operazzjoni lil binhom darbtejn għax ma kienx mar jiffirma l-karti u għalhekk kellha tagħmel rikors b’urġenza biex binhom jagħmel l-operazzjoni neċessarja.
Xehdet il-mara ta’ ħu din l-omm u spjegat kif kienu għal btala f’Malta u kienu marru jieklu biex jiċċelebraw għeluq snin l-omm. Innutaw li kellha tbenġil u wiċċha kien minfuħ. Eventwalment kienu qaltilhom li żewġha kien sawwatha. Waqt l-ikla, ir-raġel ċempel lill-omm u beda jhedded lilha u lil ħuha. Wara l-ikla, l-omm u ħuha kienu marru jagħmlu rapport lill-Pulizija u dakinhar l-omm kienet marret torqod għandhom fl-apartament tagħhom f’Buġibba. Kienu ddeċidew li kien wisq perikoluż għall-omm li terġa’ tmur lura d-dar matrimonjali tagħha u għalhekk kienu xtrawlha biljett tal-ajru biex telgħet l-Ingilterra lura magħhom.
Ippreżentati sitt rapporti lill-Pulizija ta’ vjolenza domestika
Il-Pulizija ressqu sitt rapporti ta’ vjolenza domestika fejn wieħed biss kien mill-omm, u f’dan hi kienet irraportat li kellha argument mar-raġel tagħha u dan kisser it-telefon waqt tali argument u ħadilha l-mobile. Il-biqja tar-rapporti saru mis-sieħba tar-raġel. Fl-ewwel rapport, is-sieħba ċemplet iżda ma kellmitx lill-Pulizija. Hija kienet ġiet rintraċċata mill-Pulizija u meta waslu sabuha tibki u taħt xokk minħabba li kellha argument mas-sieħeb tagħha. Hija rraportat lir-raġel kien taha diversi daqqiet waqt l-argument li kellhom. Meta hu ġie mitkellem mill-Pulizija u stqarr li kien miżżewweġ u li kull darba li pprova jwaqqaf ir-relazzjoni tiegħu mas-sieħba tiegħu, din kienet tagħmel xenata. F’rapport ieħor l-istess mara irraportat li waqt argument, kien waddbilha l-mowbajl u li rrifjuta li jirritornalha ċ-ċavetta tar-residenza tagħha. F’rapport ieħor il-Pulizija ntervjenew minħabba argument bi swat. F’rapport ieħor hi rrappurtat li kien mar minn warajha meta kienet qed tuża l-mobile tagħha u għax ħaseb li kienet qiegħda tibgħat il-messaġġi lill-irġiel oħra beda jtiha bil-ponn ġo wiċċha u anke faraġha.
Il-Pulizija kienu xehdu li kien sar rapport mill-missier fis-sena 2011 u fih qal li ma kienx ra lill-martu fl-erbat ijiem qabel ir-rapport. Iben il-partijiet kien qal lil Pulizija li tlett ijiem qabel huwa kien raqad m’ommu għand zijuh iżda meta kien qam, ommu ma kinitx hemm. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija kien irriżulta li l-omm kienet telqet lejn Heathrow fl-4 ta’ Awwissu tas-sena 2011. Interpol UK għamlu kuntatt magħha fejn din kienet spjegat li kellha titlaq minn Malta minħabba li l-Pulizijia ma kinux provdew protezzjoni għaliha mill-vjolenza domestika li soffriet mir-raħel tagħha lanqas meta fl-aħħar jiem qabel telqet minn Malta dan kien heddidha li joqtol lilha u lil huha.
Il-missier jgħid li t-tifel iżżewweġ u l-omm la ġiet għat-tieġ u lanqas bagħtitlu rigal
Il-missier fix-xhieda tiegħu qal li iben il-partijiet kien stieden lill-ommu għat-tieg tiegħu fis-sena 2024 iżda hi ma kinitx ġiet u lanqas bagħtitlu rigal. Jiċħad li qatt kien hemm kunfidenzi bejnu u bejn oħt il-mara u jgħid li anke oħtha kienet baqgħet skantata fuq din l-allegazzjoni. Ċaħad b’mod kategoriku li hu qatt sawwat lill-martu. Qal li kienet l-omm li ħarbet u abbandunat lill-ulied il-partijiet.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li mill-provi jirriżulta b’mod indisputabbli li l-missier verament kellu relazzjoni ma’ dik il-mara u jammetti hu stess f’affidavit li ppreżenta fi proċeduri diversi. Tgħid ukoll li l-missier għandu natura vjolenti tant li weġġa’ diversi drabi lis-sieħba tiegħu. Intqal li l-Qorti tqis li l-verżjoni tal-omm baqgħet konsistenti kif jidher mir-rapporti tal-Pulizija tas-sena 2011 ma’ x-xhieda tagħha. Intqal li mhux l-istess jista’ jingħad għax-xhieda tal-missier. Il-Qorti ordnat l-iżgumbrament tal-missier minn ġewwa l-fond li kien jikkonstitwixxi l-fond matrimonjali biex il-pussess tiegħu jingħata lura b’mod esklussiv lill-omm li lilha jappartjeni bħala beni parafernali. Il-Qorti ordnat li l-missier ikun żgumbrat mid-dar matrimoniale.