Monday, December 8, 2025

Imtella’ l-Enemed Malta Motorsport Awards

Oliver Attard
Oliver Attard
Ġurnalist Sportiv / Motorsports

Aqra wkoll

Il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport organizzat l-Enemed Malta Motorsport Awards f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, f’serata li ġabret flimkien atleti, uffiċjali, klabbs u partitarji biex tiċċelebra l-eċċellenza u d-dedikazzjoni ta’ dawk li taw kontribut lill-komunità tal-motorsport matul l-2025 u lil hinn.

Is-serata nfetħet b’żewġ rikonoxximenti prestiġjużi ppreżentati mill-Federazzjoni: is-Sur Josef Abela ngħata l-premju Uffiċjal tas-Sena, filwaqt li s-Sur Arthur Naudi Manche ġie onorat bħala Marshall tas-Sena. Dawn ġew segwiti minn premjijiet lil dawk innominati mill-klabbs affiljati mal-Federazzjoni:

  • Old Motors Club Malta: Rita Suban
  • Karting Club Malta: Jacob Micallef
  • Malta Drag Racing Association: Luke Farrugia
  • Island Karting Club: Kimi Bugeja
  • Land Rovers Owners Club Malta: Mario Gauci
  • Malta Drifting Association: Laurence Orsini
  • All Wheel Drive Club: Alan Zahra
  • Ford Owners Group: Clayton Farrugia
  • Island Car Club: Charlie Dingli
  • Malta Classic: Gerald Portanier

Din is-sena, il-Federazzjoni żiedet kategoriji ġodda ta’ premjijiet biex tirrikonoxxi kemm is-sewwieqa rebbieħa tal-kampjonati nazzjonali kif ukoll lil dawk li qed jirrappreżentaw lil Malta barra f’dixxiplini tal-motorsport li għadhom ma jsirux lokalment. Nicky Gauci ġie onorat għaċ-Circuit Racing, filwaqt li Daniel Montebello ġie rrikonoxxut għat-Time Attack.

Il-Federazzjoni wkoll ippremjat ir-rebbieħa tal-kampjonati nazzjonali li ġejjin:

  • Aaron Debattista – Champion Malti tal-E-Sport F4
  • Brandon Bonello – Champion Malti tal-E-Sport GT3
  • Christian Azzopardi – Champion Malti tal-Hillclimb
  • Alfred Camilleri – Champion Malti tad-Drifting

Waqt il-preżentazzjonijiet, is-Sur Karl Loftus, rappreżentant tal-Enemed – l-isponsor ewlieni tas-serata – indirizza lill-mistiedna. Huwa faħħar il-progress li qed isir kemm fil-faċilitajiet tal-motorsport kif ukoll fil-livell dejjem jikber tas-sewwieqa Maltin fuq livell internazzjonali. Is-Sur Loftus saħaq li, hekk kif Enemed għaddiet minn riorganizzazzjoni li wasslitha biex issir kumpanija b’saħħitha, huwa konvint li l-motorsport Malti se jkompli jikber hekk kif il-proġetti u pjanijiet attwali jitlestew.

Il-Federazzjoni ppreżentat ukoll aġġornament dwar ix-xogħol tagħha, fosthom it-tħaddim tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Karting f’format ġdid allinjat mar-regolamenti tal-FIA, u prattiċi li jsiru barra min Malta, kif ukoll il-ħidma lejn l-istabbiliment ta’ akkademja nazzjonali biex tgħin tiżviluppa aktar is-sewwieqa żgħażagħ. Il-President Duncan Micallef tenna l-viżjoni fit-tul tal-Federazzjoni: li fil-futur jkun hemm sewwieq Malti jikkompeti f’kull dixxiplina tal-motorsport fuq livell Ewropew u Internazzjonali.

Wieħed mill-mumenti ewlenin tas-serata kien il-preżentazzjoni tal-President’s Award, li din is-sena ngħatat lil Oliver Attard, Viċi Segretarju tal-Federazzjoni, bħala rikonoxximent għad-dedikazzjoni u s-servizz kontinwu tiegħu lejn il-komunita tal-motorsport.

Is-serata intemmet bl-ikbar rikonoxximent, l-Inductee fil-Hall of Fame tal-Motorsport Malti 2025. Din is-sena, il-Federazzjoni bi kburija daħħlet lil Anthony Vassallo, f’ġieħ aktar minn ħamsin sena ta’ servizz, tmexxija u dedikazzjoni straordinarja lejn il-motorsport Malti. Tul ħajtu sportiva, huwa wera ruħu bħala organizzatur eċċezzjonali, kompetitur, timekeeper, membru attiv ta’ diversi kumitati u forza vitali wara numru ta klabbs u avvenimenti. Il-wirt tiegħu jibqa’ ispirazzjoni għal ġenerazzjonijiet ta’ dilettanti u sewwieqa.

Il-prezentatur Colin Fitz mexxa is-serata.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport