Saturday, June 14, 2025

Imtella’ seminar dwar abbuż verbali u emozzjonali fl-anzjanità

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Għarfien dwar l-Abbuż fuq l-Anzjani, li jiġi mfakkar fil-15 ta’ Ġunju, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) organizzat seminar edukattiv dwar l-abbuż verbali u emozzjonali fl-anzjanità. Dan is-seminar sar għall-anzjani li jattendu ċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Il-parteċipanti ngħataw tagħrif siewi minn professjonisti f’dan il-qasam, inklużi ħaddiema soċjali tal-AACC u rappreżentanti mill-Victim Support Agency. Il-ħidma tagħhom iffukat fuq kif l-anzjani jistgħu jirrikonoxxu, jevitaw u jirrapportaw każijiet ta’ abbuż emozzjonali jew verbali, kif ukoll fuq is-servizzi ta’ appoġġ disponibbli għalihom.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, saħaq, “L-abbuż emozzjonali u verbali huwa reat sieket li jweġġa’ ħafna. Huwa dmir tagħna li noffru t-tagħrif u l-għodod meħtieġa biex l-anzjani jkunu protetti u jħossuhom sikuri. L-edukazzjoni u l-għarfien huma l-ewwel linja ta’ difiża.”

Dan is-seminar kien parti minn kampanja ta’ għarfien li tifforma parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2023–2030. L-għan ewlieni tiegħu kien li jkompli jsaħħaħ il-ħiliet tal-anzjani biex jipproteġu lilhom infushom, waqt li jiżdied l-għarfien fis-soċjetà dwar dawn il-forom ta’ abbuż inqas viżibbli iżda xorta gravi ħafna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport