Ittellgħet konferenza fejn ġiet diskussa l-viżjoni dwar il-futur tal-anzjanità attiva anke bħala parti mill-Viżjoni Malta 2050. Għal din il-konferenza attendew ukoll il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea u s-Segretarju Permanenti Renzo DeGabriele.
Matul il-konferenza ntqal kif il-viżjoni dwar il-futur tal-anzjanità attiva tħares lejn l-iżvilupp tas-soċjetà tagħna u t-tisħiħ tal-komunitajiet biex ikunu spazji ta’ inklużjoni u parteċipazzjoni għal kulħadd. Intqal ukoll li l-kollaborazzjoni intersettorjali tibqa’ l-pedament tat-twettiq tal-viżjoni.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal, “Permezz ta’ din il-konferenza mhux biss qed nħarsu li nkomplu nipprovdu servizzi aħjar, iżda dwar kif nibnu sistema li tagħti valur sħiħ lil kull persuna f’kull stadju tal-ħajja tagħha. Il-Gvern impenjat li jibni qafas ta’ politika li tkun ibbażata fuq evidenza, data u djalogu kontinwu ma’ dawk li huma direttament affettwati. Dan jgħinna nfasslu politika li ma tkunx biss reazzjoni għal dak li jiġri llum, iżda li tħares ’il quddiem, b’viżjoni ċara u b’għanijiet li jistgħu jitkejlu u jitwettqu”, temm jgħid Dr Abela.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea stqarr, “Fil-qasam tal-anzjanità attiva jeħtieġ li nkomplu nevalwaw metodi li nistgħu nużaw sabiex intejbu fuq dak li qed nagħmlu, u nippjanaw għal dak li ser ikun mitlub fil-futur mill-popolazzjoni anzjana tagħna. Il-mod kif aħna lkoll nieħdu ħsieb u ngħożżu lill-anzjani tagħna llum jirrifletti fuq min aħna bħala soċjetà u jirrifletti wkoll fuq il-futur li qed nippreparaw għal pajjiżna.”
Is-Segretarju Permanenti Dr Renzo DeGabriele saħaq kif il-konferenza tal-lum serviet biex l-entitajiet kollha tas-saħħa flimkien ma’ ministeri oħra konċernati, jikkollaboraw flimkien biex iwettqu l-proġetti marbuta mal-anzjanità attiva b’mod ħolistiku kif ukoll jippjanaw għall-azzjonijiet u miżuri oħra futuri.

