Tuesday, December 24, 2024

“Imur kontra l-Kostituzzjoni” – Sorsi Legali dwar abbozz imressaq mill-Oppożizzjoni

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sorsi legali kkummentaw ma’ dan is-sit dwar dak propost mill-Oppożizzjoni Nazzonalista rigward il-Kumitat tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika fejn huma iddeskivew dan l-abbozz bħala li jmur kontra l-Kostituzzjoni u hu ta’ theddida għad-demokrazija. 

Is-sorsi legali qalulna li “l-kumitati tal-Kamra huma sotto formazzjonijiet tal-Parlament li jeżistu biex jiffaċilitaw ix-xogħol tal-Parlament. Hu għalhekk li l-Kumitati jistgħu jkunu komposti biss minn membri tal-Parlament u minn ħadd iżjed. F’każ li jiddaħħlu fihom nies minn barra l-Parlament, jiġifieri persuni mhux eletti mill-poplu, dawn ma jibqgħux Kumitati tal-Parlament. Jekk nieħdu l-Artikolu 68 (3) tal-Kostituzzjoni dan jgħid b’mod ċar ħafna li “kull kumitat bħal dak ikun magħmul li jkun jirrappreżenta b’mod xieraq lill-Kamra”. 

L-istess sorsi legali spjegawlna li din it-tifsira hi ċara ħafna u għalhekk l-abbozz propost mill-Oppożizzjoni imur kontra l-Kostituzzjoni. “Mhux biss imma dan l-abbozz joħloq problemi oħra ewlenin fost dawn hi dik marbuta ma’ kif se jiġi applikat il-prinċipju tal-privileġġ Parlamentari għall-membri li jkunu jiffurmaw dan il-kumitat u li ma jkunux ġew eletti f’isem il-poplu imma jkunu intgħażlu minn fost persuni oħra biex iservu fuq dan il-kumitat. Il-privileġġ Parlamentari japplika għal membri tal-Parlament li jkunu qed jaġixxu bħala parti minn kumitat però ma japplikax għall-persuni li ma humiex deputati Parlamentari. 

Is-sorsi legali qalulna li “l-abbozz imressaq mill-Oppożizzjoni qed jipproponi li jdaħħal maġġoranza ta’ persuni li m’humiex membri tal-Parlament fil-Kumitat tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dan ma jfisser xejn għajr li dan l-istess abbozz qed jipproponi li tispiċċa l-funzjoni naturali kif nafuha sa issa ta’ dawn l-istess kumitati. Nemmnu li dan hu proċess perikoluż. Apparti dan hu proċess li se joħoq konfużjoni.”

L-istess sorsi legali kompla jgħidu li “dak propost minn dan l-abbozz mhu xejn għajr theddida tas-sistema demokratika. Qed ngħid dan għax dak propost effettivament qed jitlob lill-Kamra turi sfiduċja fiha nfisha stess, fil-membri Parlamentari u fl-istess Speaker li jmexxi l-Parlament. L-abbozz kif propost mill-Oppożizzjoni imur kontra l-ispirtu tal-Kostituzzjoni tagħna, u jhedded l-indipendenza tal-Parlament bħala l-ogħla istituzzjoni kostituzzjonali demokratika tal-pajjiż. Qed ngħidu dan għax dan l-abbozz meta tiflieh sew tara li b’dak li qed jipproponi qed jittanta ineħħi id-dritt tal-Kamra li tirregola lill-membri Parlamentari tagħha stess. Mhux biss qed jittanta ineħħi dan id-dritt, imma dan l-istess dritt issa hu propost li jingħata lil persuni terzi mhux eletti mill-poplu.”

L-istess sorsi legali enfasizzaw li l-kunċett ta’ kumitat li jsegwi l-istandards tal-membri Parlamentari, u li issa l-Oppożizzjoni trid persuni terzi fih, se jispiċċa jwaqqa’ lill-Parlament għal livell ta’ organizazzjoni privata, bħal xi għaqda, jew każin. Dak propost bl-ebda mod ma jirrispetta l-istatus mogħti mill-Kostituzzjoni lil istituzzjoni tal-Parlament, saħqu l-istess sorsi legali.

Enfasizzaw li “dan li qed ngħidu wieħed jista’ jarah iseħħ fejn tidħol il-ġudikatura. Hemmhekk ukoll hemm Kumitat għall-Imħallfin u l-Maġistrati. Dan hu kumitat maħtur ukoll skont il-Kostituzzjoni. Kumitat li xogħlu hu li jinforza standards etiċi u dixxiplinari fil-ġudikatura. F’dan il-każ, dan il-kumitat hu magħmul minn membri tal-ġudikatura biss. L-għan ta’ dan hu li jipproteġi l-indipendenza ta’ dik l-istituzzjoni. Għaliex iridu li l-Parlament ikun trattat differenti? Għaliex din in-nuqqas ta’ fiduċja fil-Parlamentari tagħna li jservu fuq il-kumitati? Il-Parlament m’għandux ikunu trattat b’mod differenti”. 

Is-sorsi legali li tkellmu ma’ talk.mt saħqu li “ma nistgħux ma nirrimarkawx fuq l-ironija ta’ meta ġie ppreżentat dan l-abbozz. Ġie ppreżentat proprju fi żmien fejn għall-ewwel darba fl-istorja ta-Parlament tagħna, kien hemm qbil bejn deputati tal-gvern biex issir ċensura fuq kollega tagħhom stess. Dan seħħ wara li sar rapport mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. L-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien ġie diskuss għalkemm informalment. Il-Kumitat illum hu ċar ħafna li qed jaħdem. Li kien hemm kien nuqqas ta’ qbil fuq x’għandha tkun is-sanzjoni. Nemmen li minħabba dan m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni biex is-sistema tintrema’ u minflok tiġi sostitwita b’waħda li l-għan tagħha hu dak li l-istabbilità tal-gvern titħalla f’idejn terzi. Mistoqsija ċara li toħroġ hi dik ta’ x’garanziji se jkun hemm fuq il-persuni terzi? Xejn ma jeskludi li dawn ma jistgħux anke huma ikunu politikament motivati jew infuwenzati fid-deċiżjonijiet tagħhom. Mistoqsija oħra ċara li trid issir u tajjeb li l-Oppożizzjoni tagħti tweġiba għaihom hi dik li l-membri Paramentari jirrispondu lill-poplu għad-deċiżjonijiet tagħhom. Issa il-persuni terzi proposti, li mhumiex deputati u li se jkunu qed jiddominaw din l-istruttura proposta lil min se jirrispondu?”.

Saħqu ukoll li “ma nistgħux ma nikkummentaw fuq il-proposta tal-estensjoni tal-applikabilita tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika għal persuni li ma jkunux għadhom fil-kariga ta’ membri Parlamentari. Nemmnu fermament li din ma’ tagħmel l-ebda sens. M’hemmx sens fi proċessi dwar standards etiċi li jirrigwardaw persuni li m’għadhomx membri tal-Parlament jew membri tal-Eżekuttiv. Hu fatt loġiku li meta persuna tispiċċa mill-Parlament jispiċċa l-interress soċjali li jsiru dwarha proċeduri ta’ natura dixxiplinari bħa dawk li jipprrovdi l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-kumitat tal-Istandards fi-Ħajja Pubblika xogħlu hu li jinforza standards etiċi u dixxiplinari. Dan mhux liġi kriminali li tibqa’ tapplika għall-persuni sal-mewt.”

L-Oppożizzjoni qed tipproponi li l-Kumitat ma jibqax jitmexxa mill-Ispeaker iżda jkun kompost minn Chairman li ma jkunx Membru Parlamentari maħtur bil-vot taż-żewġ terzi tal-Membri tal-Kamra, żewġ membri li ma jkunux Membri Parlamentari u membru tal-Kamra nominat mill-Prim Ministru u ieħor mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Gvern diġa iddikjara li ma jaqbilx ma’ dawn il-proposti.

Ekonomija

Sport