Friday, July 4, 2025

Imur l-għassa mimli demm wara argument fuq ix-xogħol

Aqra wkoll

Hasan Al Abdulla, Sirjan ta’ 34 sena li fil-qorti qal li għandu kumpanija tal-kostruzzjoni wieġeb mhux ħati li weġġa’ gravi lil raġel ieħor waqt argument.

Il-prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-allegat vittma mar l-Għassa tal-Gżira mimli demm, fejn wara li ngħata l-ewwel għajnuna ttieħed l-Isptar Mater Dei. Waqt li kien qiegħed jitkellem mal-pulizija l-vittma allega li kellu argument ma’ Al Abdullah.

Fil-Qorti ntqal li l-argument beda ħamest ijiem qabel dwar xi xogħol u li l-imputat u l-vittma ilhom jafu lil xulxin tmien snin.

Skont dak ippreżentat fil-Qorti, l-allegat vittma kien qiegħed iġorr xi affarijiet mela allegatament ħebb għall-imputat b’ħadida. Min-naħa tiegħu l-imputat mar iġib sikkina minn garaxx. u. Il-prosekuzzjoni qalet li sabet l-arma li ntużat fir-reat.

Kien hawn, li d-difiża talbet għal espert mediku legali minħabba li l-imputat għandu xi ġrieħi wkoll.

Id-difiża għamlet talba għal-ħelsien mill-arrest fejn argumentat li l-imputat ilu Malta mill-2013 u dejjem ħadem, huwa miżżewweġ Maltija u jinsab fil-proċess biex iġib iċ-ċittadinanza. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat u esprimiet il-biża’ li jwettaq reat ieħor.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ 1,000 ewro u garanzija personali ta’ 9,000 ewro. Ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għal ħames snin jew sakemm tinqata’ l-kawża.

Għall-akkużat deher l-avukat Jacob Magri, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elton Buckingham.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport