L-eks player Spanjol, Pelayo Novo, miet fl-età ta’ 32 sena wara li kien rappurtat li ntlaqat minn ferrovija.
Novo kien jipprattika l-wheelchair tennist wara li baqa’ pparalizzat wara li ħames snin ilu kien waqa’ mit-tielet sular tal-lukanda tiegħu.
Il-midja Spanjola rrappurtat li nhar it-Tlieta filgħaxija l-eks midfielder tat-tieni livell inqatel minn ferrovija f’Oviedo.
Fil-karriera tiegħu huwa lagħab Elche, Cordoba, Lugo u Albacete, fi Spanja, u ma CFR Cluj fir-Rumanija.
Novo kellu 27 sena meta weġġa’ serjament wara li waqa’ mil-lukanda tat-tim ta’ Albacete fil-belt ta’ Huesca f’Marzu tal-2018.
Huwa qatta’ 51 jum fi sptar ta’ Zaragoza wara dak l-inċident.
Meta sar jaf li ma setax jilgħab aktar football minħabba li safa paralizzat, huwa sar ambaxxatur għal atleti professjonali u li qed jaspiraw b’diżabilità f’pajjiżu.
Novo skopra mħabba għall-wheelchair tennis u eventwalment sar membru tal-bord tad-diretturi tal-Federazzjoni tat-Tennis Asturian.
Kien ukoll player attiv li daħal f’kompetizzjonijiet u lagħab fl-Open de Catalunya l-aktar riċenti.
Huwa kien meqjus bħala ispirazzjoni għal nies sportivi b’diżabbiltà.