L-eks winger internazzjonali Arġentin ta’ taħt l-20 sena u ta’ Barcelona, Maxi Rolon, tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku li fih miet ukoll ħuh it-tewmi, Ariel.
Iż-żewġt aħwa mietu mal-impatt wara li tilfu l-kontroll tal-karaozza wara liwja bil-konsegwenza li baqgħu deħlin ġo siġra.
L-inċident seħħ nhar is-Sibt fit-triq prinċipali bejn il-bliet ta’ Pujato u Casilda fil-provinċja Arġentina ta’ Santa Fe.
Il-klabb ta’ Barcelona wera s-sogħba tiegħu mal-aħbar ta’ Maxi li kellu 28 sena:
“Il-klabb jinsab imnikket bil-mewt ta’ Maxi Rolon, li serva bil-kulur aħmar u blu bejn l-2010 sal-2016. Aħna nesprimu l-kondoljanzi profondi tagħna u nibagħtu appoġġ sħiħ lill-familja tiegħu. Strieh fil-paċi.”
L-FA Arġentina qalet: “B’dispjaċi kbir nuru s-sogħba għat-telfa tal-plejer żagħżugħ Maximiliano Rolon, li lagħab mat-timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ u kien parti miċ-champions tal-Amerika t’Isfel ta’ Taħt l-20 sena, fl-2015.”