Tħabbret il-mewt tal-Indjan Shyam Saran Negi, ir-raġel li huwa maħsub li kien l-ewwel persuna li xeħet il-vot tiegħu fl-ewwel elezzjoni ġenerali fil-pajjiż wara l-kisba tal-indipendenza mit-tmexxija Ingliża.
Skont rapporti fil-midja internazzjonali jidher li minn dakinhar ’l hawn, Negi vvota f’kull elezzjoni ġenerali u proprju ftit tal-jiem ilu xeħet l-aħħar vot tiegħu fl-elezzjonijiet fl-istat ta’ Himachal Pradesh.
Fl-età ta’ 105 snin, l-għalliem irtirat huwa maħsub li kien l-ewwel votant minħabba li l-votazzjoni fl-istat fejn kien jirrisjedi kienet fetħet xi xhur qabel, proprju fl-1951. Dan seħħ b’miżura ta’ prekawzjoni biex tkun evitata l-borra qawwija li kienet imbassra fi żmien l-elezzjoni tal-1952.
Ir-riżultat kien ta rebħa kbira lill-Kungress Nazzjonali Indjan u Jawaharlal Nehru sar l-ewwel Prim Ministru Indjan elett demokratikament, wara kważi 100 sena ta’ ħakma kolonjali Ingliża bejn l-1848 u l-1947.
Fl-aħħar jiem, uffiċjali mill-Kummissjoni Elettorali firxulu tapit aħmar waqt li mar biex jimposta l-vot tiegħu għall-elezzjoni li se ssir fit-12 ta’ Novembru.
Skont il-midja Indjana jidher li din kienet l-ewwel darba li Negi ma marx jivvota personalment mill-post tal-votazzjoni minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Fl-2014, Negi kien inħatar bħala ambaxxatur għall-Kummissjoni Elettorali bil-għan li jħeġġeġ liċ-ċittadini jivvutaw biex tiżdied il-parteċipazzjoni.
Intant waqt li kien qiegħed jixħet il-vot tiegħu fl-aħħar jiem huwa ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw f’dan il-proċess demokratiku u li dan ma kienx biss dritt, iżda anke d-dmir tagħhom lejn il-bqija taċ-ċittadini.
Waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika fil-kampanja elettorali tiegħu, il-Prim Ministru Indjan Narendra Modi sellem il-memorja ta’ Negi u ħabbar li l-gvern se jieħu ħsieb li jiġi kkremat b’unuri statali sħaħ fir-raħal tiegħu f’Kalpa.