Il-ġurnalist Olandiż magħruf għall-investigazzjonijiet kriminali Peter R. de Vries, li l-ġimgħa li għaddiet kien f’qagħda kritika wara sparatura f’Amsterdam, tilef ħajtu lbieraħ fl-Isptar. Il-familjari tal-vittma fi stqarrija lill-mezzi tax-xandir Olandiżi qalu li “Peter baqa’ jissielet sal-aħħar iżda sfortunatament tilef il-battalja.”
Il-ġurnalist u preżentatur ta’ 64 sena, indarab fi sparatura ftit tal-ħin wara li telaq minn studio televiżiv. B’kollox ġew sparati ħames tiri mill-viċin u de Vries intlaqat f’rasu.
Dan il-ġurnalist kien famuż għax-xogħol tiegħu u fil-fatt mhux l-ewwel darba li għen lill-pulizija ssolvi numru ta’ każijiet. Fost l-istejjer li kien magħruf għalihom hemm dik b’rabta mal-ħtif ta’ Freddy Heineken fl-1983.
Il-ġurnalist rebaħ ukoll Emmy Award għal programm televiżiv li għamel dwar Natalee Holloway, żagħżugħa Amerikana li għebet fil-gżira Karibew ta’ Aruba fl-2005.
Ftit wara l-isparatura, il-Pulizija arrestat żewġ suspettati f’karozza viċin The Hague.