Tħabbret il‑mewt ta’ Mons. Philip Calleja, li għal 70 sena ħadem b’risq l‑emigranti Maltin u r‑refuġjati li jfittxu ażil f’Malta u b’risq il‑Knisja f’Malta.
Mons. Calleja miet illum it‑Tlieta, 16 ta’ Awwissu 2022, fl‑3:45 a.m fid‑Dar tal‑Kleru fi Fleur‑de‑Lys, fl‑età ta’ 93 sena.
Mons. Philip Calleja twieled fit-8 ta’ Diċembru 1928 fil‑Belt Valletta u ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Awwissu 1953.
Għal madwar 50 sena huwa kien id‑direttur tal‑Kummissjoni Emigranti, li twaqqfet fl‑1950 fi ħdan l‑Azzjoni Kattolika minħabba l‑eżodu kbir ta’ Maltin lejn pajjiżi oħra. Mons. Philip Calleja kien joffri għajnuna lill‑persuni li kellhom il‑ħsieb jibqgħu jgħixu barra minn Malta.
Maż‑żmien, permezz tal‑Kummissjoni Emigranti, beda joffri wkoll għajnuna konkreta lill‑immigranti u r-refuġjati hawn Malta.