Tħabbret il-mewt ta’ Piero Angela – preżentatur televiżiv, ġurnalist u kittieb tax-xjenza.
Angela miet fl-età ta’ 93 sena u l-aħbar ngħatat minn ibnu Alberto li kiteb dwar il-mument ta’ dieqa fuq Twitter.
Meqjus minn ħafna bħala David Attenborough tal-Italja, Angela kiteb 33 ktieb, li biegħu tliet miljun kopja, u għamel aktar minn 60 dokumentarju u mijiet ta’ episodji televiżivi li wassluh għar-rebħ ta’ diversi premji.
Angela beda jaħdem mar-RAI bħala kummentatur fuq ir-radju imbagħad qaleb għat-televiżjoni fuq programmi dwar ix-xjenza u n-natura.
Fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu kien hemm il-Ministru Taljan għall-Kultura, Dario Franceschini li ddeskrivih bħala bniedem li bil-programmi tiegħu għen ġenerazzjonijiet biex japprezzaw ix-xjenza.