Saturday, December 21, 2024

Imut ir-raġel li ċeda saqaf bih f’Għajnsielem

Aqra wkoll

Ir-raġel ta’ 51 sena li fit-8 ta’ Awwissu li għadda waqa’ madwar sular wara li ċeda saqaf li kien qiegħed jaħdem fuqu f’Għajnsielem f’Għawdex miet illum waranofsinhar.

Ir-raġel ġie ddentifikata bħala Silvio Bartolo ta’ 51 sena. Dakinhar fuq il-post kien ssejħu l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u skont sorsi qrib dan is-sit kellhom operazzjoni diffiċli biex joħorġu lil Bartolo minn taħt it-tifrik.

Id-dettalji tal-funeral se jkunu qegħdin jitħabbru aktar tard.

8 ta’ Awwissu 2024: Raġel fil-periklu tal-mewt wara li ċeda saqaf u waqa’ madwar sular

Fi stqarrija l-Pulizija qalu li minn stħarriġ li sar irriżulta li raġel, li għandu 51 sena u joqgħod Għajnsielem stess, kien qiegħed jagħmel xi xogħol meta għal xi raġuni ċeda s-saqaf bil-konsegwenza li waqa’ madwar sular.

Fuq il-post issejħu tim mediku u l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura fejn iktar tard hu ġie trasferit għall-Isptar Mater Dei, isofri minn ġrieħi serji.

Il-Maġistrat Dr Simone Grech LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aktar kmieni: Raġel l-isptar wara li ġarraf saqaf ta’ dar f’Għajnsielem

Raġel ta’ madwar 50 sena kellu jiddaħħal l-isptar wara li għall-ħabta tas-6.20pm ġġarraf saqaf ta’ residenza f’Għajnsielem.

Jirriżulta li r-raġel kien qiegħed jagħmel xi xogħol fl-istess residenza meta għal xi raġuni ċeda s-saqaf bil-konsegwenza li spiċċa taħtu.

Fuq il-post kellhom jissejħu l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili biex joħorġu lir-raġel minn qalb it-tifrik.

Jistennew kien hemm tim mediku b’ambulanza li taw l-ewwel għajnuna u wara ttieħed l-isptar Ġenerali t’Għawdex għal aktar kura.

Il-Pulizija u kif ukoll l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol jinsabu fuq il-post jinvestigaw il-każ.

Ekonomija

Sport