It-tifel ta’ 11-il sena li għall-ħabta tas-1.00pm sab ruħu f’diffikutajiet meta kien qed jgħum fir-Ramla l-Ħamra, ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin ilu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Minkejja kull sforz li sar mit-tim mediku, mill-ewwel kien hemm indikazzjonijiet ċari li se jkun diffiċli mmens li t-tifel isalva.
Intant, bħalissa għadha għaddejja t-tfittxija għal raġel ta’ madwar 37 sena li skont sorsi hu missier it-tifel.
Persuni qrib il-Pulizija qalulna li r-raġel għal xi ħin intleħam fil-baħar, iżda minħabba l-mewġ qawwi li hemm, sakemm waslu ħdejn il-post indikat l-uffiċjali li qegħdin imexxu l-operazzjoni, ir-raġel imbela’ mill-mewġ u ma deherx aktar.
Inattn fi stqarrija l-Pulizija qalu li għall-ħabta tas-1.15pm, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra, ix-Xagħra, Għawdex.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel ta’ 37 sena u tifel ta’ 11-il sena, it-tnejn mill-Ingilterra, sabu ruħhom f’diffikultà waqt li kienu qed jgħumu.
Minnufih intalbet l-assistenza tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Protezzjoni Ċivili, li bdew tfittxija intensiva, kemm permezz ta’ dinghy kif ukoll b’ħelikopter.
L-ewwel li ġie salvat mill-baħar kien it-tifel li mill-ewwel ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza. Sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Sadanittant, għadha għaddejja t-tfittxija għar-raġel.
ll-Maġistrat Dr Jean Paul Grech LL.D ġie infurmat bil-każ u fetaħ Inkjesta Maġisterjali.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Aktar kmieni: Tifel u raġel isibu ruħhom f’diffikultajiet waqt li kienu qed jgħumu fir-Ramla l-Ħamra
Tifel ta’ 11-il sena u raġel ta’ 37 sena sabu ruħhom f’diffikutajiet waqt li għall-ħabta tas-1.00pm kienu qegħdin jgħumu fir-Ramla l-Ħamra.
L-ewwel li ġie salvat kien it-tifel li tella’ fuq l-art u mill-ewwel beda jingħata CPR sakemm ġie ftit stabbli biex ittieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Sorsi qrib il-Pulizija qalulna li s-sitwazzjoni tat-tifel xejn ma kienet tajba.
Intant, bħalissa għadha għaddejja t-tfittxija għar-raġel li s’issa għadu ma nstab. It-tfittija qiegħda ssir permezz ta’ ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili.
Aktar dettalji dalwaqt…

