Sunday, December 22, 2024

Imut it-tifel ta’ ħames snin li kien maqbud f’bir għal diversi jiem fil-Marokk

Aqra wkoll

It-tifel Marokkin Rayan ta’ ħames snin tilef ħajtu wara li kien ilu maqbud f’bir minn nhar it-Tlieta li għadda.

Dikjarazzjoni uffiċjali mir-Re ħabbret il-mewt tiegħu llejla ftit wara li nħareġ mill-bir wara ħidma twila ta’ salvataġġ.

It-tifel, li aktar qabel ġie identifikat bħala Rayan, kien irrappurtat li qed jilgħab viċin ta’ dan il-bir u huwa mifhum li waqa’ madwar 32 metru minn fetħa dejqa. 

Immexxija mid-Direttorat tal-Protezzjoni Ċivili tal-Marokk, operazzjonijiet ta’ salvataġġ fil-belt żgħira tat-Tramuntana ta’ Tamorot, madwar 100km (62 mil) mill-belt ta’ Chefchaouen, kienu ilhom għaddejjin mit-Tlieta filgħaxija u ssoktaw illejla.

Fil-post illejla kien hemm tim mediku u anke ħelikopter lesti biex ladarba l-membri tas-salvataġġ jsalvawh, it-tifel jittieħed b’urġenza għall-kura neċessarja. 

Eluf inġabru fuq il-post u baqgħu hemm biex jinkoraġġixxu lil dawk li kienu qed iwettqu s-salvataġġ.

F’kumment li għadda qabel ma ġie salvat, Missier Rayan qal li kien qed isewwi l-bir fil-ħin tal-inċident, u qal li hu u omm Rayan kienu “devastati u inkwetati ħafna”. Irrakkonta kif f’ħin minnhom neħħa għajnejh minn fuqu u ċ-ċkejken waqa’ fil-bir.

It-taħlita ta’ ħamrija bil-blat u ramlija fissret li l-ħaddiiema ta’ salvataġġ bdew iqisu li t-twessigħ tax-xaft dejjaq tal-bir bħala perikoluż wisq.

Minflok, intużaw bulldozers biex tinqata’ trinka enormi ħdejn il-bir. Il-ħaddiema ta’ salvataġġ imbagħad bdew iħaffru b’mod orizzontali biex jilħqu lit-tifel.

Fl-aħħar sigħat bosta Marokkini  bdew jużaw il-hashtag #SaveRayan fuq il-midja soċjali li permezz t’hekk mhux biss urew is-sapport tagħhom iżda wkoll ġibdu l-attenzjoni globali għall-isforzi tas-salvataġġ.

Ekonomija

Sport