Saturday, December 28, 2024

Imut l-eks-ġurnalist tal-Union Press Richard Mifsud

Aqra wkoll

Illum, il-Ħadd, 20 ta’ Ottubru, tħabbret il-mewt ta’ Richard Mifsud, eks-ġurnalist tal-Union Press, fl-età ta’ 77 sena, li kien wieħed mill-ewwel ġurnalisti li ħadem mal-ġurnal l-orizzont. Richard Mifsud ingħaqad mal-Union Press f’Diċembru 1963. Kien wieħed minn grupp ta’ sitt ġurnalisti żgħażagħ. Baqa’ jaħdem mal-ġurnali tal-Union Press sakemm irtira bl-età. Tul il-karriera ġurnalistika tiegħu ħadem f’diversi karigi, fil-Kamra tal-Aħbarijiet fl-istaff editorjali kemm tal-gazzetta It-Torċa kif ukoll tal-ġurnal l-orizzont.

Frans Ghirxi, li serva bħala editur ta’ l-orizzont bejn Lulju 1993 u April 2010 jiddeskrievi lil Richard Mifsud bħala persuna intelliġenti ħafna u li kien kontinwament iżomm ruħu aġġornat, partikolarment fix-xena internazzjonali. L-istorja internazzjonali kien jafha fuq ponot subgħajh.

“Ħdimt mill-qrib miegħu sa mis-sena 1976 meta bdejt il-karriera ġurnalistika tiegħi fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Union Press minn sezzjoni oħra tal-istamperija. Kien ta’ għajnuna u gwida kontinwa għalija u għal seħibna Charles Miceli, illum mejjet ukoll, li kien għamel l-istess pass tiegħi sena qabli. Anzi lili kien ħajjarni Charles nagħmel dak il-pass.

“Richard, bi twemmin xellugi, kien jinteressa ruħu ħafna fix-xena internazzjonali, jien ngħid kien jispeċjalizza. Fl-opinjoni tiegħi kien espert f’dan il-qasam. Kien janalizza fil-fond kull aħbar li nirċievu mill-aġenziji barranin, partikolarment Associated Press u Reuters. Ma kienx sempliċiment jittraduċi. Meta bħala Editur ta’ l-orizzont offrejtlu paġna fil-ġimgħa ta’ analiżi tal-aħbarijiet barranin, ovvjament dak li jkun qed jiddomina fil-mument, kien qalli li dejjem kellu dik ix-xewqa u fil-fatt beda u baqa’ jagħmilha sal-aħħar. Kienet paġna segwita ħafna mill-qarrejja tagħna,” qal lil dan is-sit, Frans Ghirxi.

Mifsud se jkun qiegħed jingħata l-aħħar tislima nhar il-Erbgħa 23 ta’ Ottubru fit-8:30 a.m, fil-Paroċċa tal-Gżira.

Ekonomija

Sport