Tħabbret il-mewt tas-Surmast Professur Charles E. Zammit li ħoloq u mexxa għal bosta snin l-Iskola tal-Mużika tal-General Workers Union. Huwa miet nhar l-Erbgħa li għadda, Jum il-Milied, fl-għomor ta’ 91 sena.
Tul is-snin li dam imexxi l-iskola tal-Mużika tal-GWU, huwa għallem kemm it-teorija kif ukoll il-prattika f’diversi strument mużikali, inkluż il-pjanu, lil numru kbir ta’ tfal u żgħażagħ u wassal b’suċċess lil ħafna minnhom biex jiksbu diplomi fil-mużika minn istituzzjonijiet u kulleġġi internazzjonali.
Prof Zammit mhux biss kien direttur prolifiku tal-mużika imma wkoll awtur ta’ numru kbir ta’ artikli dwar l-edukazzjoni mużikali ppublikati f’diversi ġurnali lokali u barranin.
Il-ktieb tiegħu “Sound Methods In Piano Pedagogy” kien ippubblikat fl-Istati Uniti fl-1989 u aktar tard kien ippubblikat ukoll bil-braille mill-Library of Congress f’Washington u r-Royal National Institute for Blind ġewwa Londra.
L-istudji u r-riċerka li għamel f’dawn l-aħħar snin fil-qasam tat-terapija mużikali u mużika fil-mediċina wassluh sabiex ippublika l-ktieb ‘Music For Better Health And Better Living’ippublikat fl-2006.
Huwa kien ingħata l-unur ta’ Ġeħ ir-Repubblika fl-2017 għall-ħidma tiegħu fil-qasam mużikali. Dan l-unur tant mistħoqq ingħatalu fuq nominazzjoni tas-Soċjeta’ Filarmonika l-Unjoni, ta’ Ħal Luqa.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja filwaqt li enfasizza l-kontribut kbir mużikali tal-Prof. Zammit, bagħat il-kondoljanzi tiegħu u tal-amministrazzjoni lill-familjari tal-istess Prof. Zammit.