Fl-aħħar sigħat tħabbret il-mewt ta’ Fr Frank Xavier Zammit qassis maħbub Malti, li għamel 59 sena jservi f’diversi Parroċċi u komunitajiet kemm fl-Awstralja u anke fl-Istati Uniti. Hu miet fl-età ta’ 90 sena.
Is-saċerdot twieled f’Raħal Ġdid u kien ġej minn familja kbira fejn kienu sebat aħwa. F’intervista li kien ta, Fr Frank kien qal li meta kien għadu żgħir ma kienx jaf għandux jidħol jaħdem it-tarzna jew inkella jidħol is-Seminarju biex jibda l-istudji tiegħu għal saċerdot.
Fl-intervista kien qal li kien tkellem ma’ San Ġorġ Preca li dan qallu biex jidħol jaħdem it-tarzna imbagħad jekk Alla jkun irid li tidħol saċerdot kien isajjaħlu mit-tarzna.
Fil-fatt, is-saċerdot kien beda jaħdem it-tarzna u dam hemm għal sitt snin sħaħ. Imbagħad daħal is-seminarju fejn beda jistudja l-filosofja fost l-oħrajn. Meta kellu 31 sena, fl-1966 hu ġie ordnat saċerdot.
Wara hu kien intbgħat l-Awstralja u dam hemm sas-sena 1973. Imbagħad kien mar Florida fl-Istati Uniti fejn hemm kompla l-ħidma pastorali tiegħu f’diversi parroċċi.
Fis-snin ta’ wara, Fr Zammit okkupa karigi differenti fid-Djoċesi ta’ Orlando u serva wkoll bħala kappillan għan-Navy Amerikana.
Il-funeral ta’ Fr Zammit se jsir fl-20 ta’ Awwissu fil-Knisja Kattolika ta’ San Pietru f’West New York. Hu se jindifen fiċ-ċimiterju Queen of Angels.