Sunday, February 22, 2026

Imut Sandro Grech li l-poplu Malti ngħaqad wara l-kawża tiegħu biex jgħix

Aqra wkoll

Tħabbret il-mewt ta’ Sandro Grech, uffiċjal tal-Pulizija. Il-poplu Malti ngħaqad wara l-kawża ta’ Sandro bit-tama li jgħix. B’intervent mill-Prim Ministru Robert Abela, Sandro ngħata ħafna mill-ammont ta’ flus li kellu bżonn bit-tama li jkun jista’ jieħu l-aħħar ċans tiegħu biex jgħix.

Wara appell li kien sar mill-familja biex jinġabru eluf kbar ta’ flus bit-tama li Sandro jkun jista’ jieħu l-kura barra minn Malta, fl-10 ta’ Jannar martu kienet ħabbret li “l-għajnuna tagħkom u tal-Gvern ta’ Malta sabiex Sandro jieħu ċans ieħor għall-ħajja ser tkun qed titwettaq fil-jiem li ġejjin. Wara ġimgħat fejn Sandro kien qed jiġi trattat għal infezzjoni li żviluppatlu – issa t-tim tal-Mater Dei rnexxielu jgħinu sabiex jirkupra u jkun f’kundizzjoni stabbli biex ikun jista’ jivvjaġġa għall-kura.”

Dakinhar hija kienet qalet li “minkejja li l-kuntatt tagħna għat-trial mal-National University Hospital ta’ Singapore kien avvanza sew u Sandro kien ġie onboarded minn din l-istituzzjoni – irriżulta li l-firxa sħiħa tat-trattament u l-hospital fees kienu ser jitilgħu għal ammont ferm akbar mill-€500,000 li kien ikkomunikat lilna fil-kuntatt inizjali mal-isptar. Minkejja l-appoġġ kollu li rċevejna kemm mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, id-dipartiment tal-Consular Services u anki l-konslu ta’ Malta f’Singapore – iddecidejna li din it-triq ma kinitx aktar realistika”

Kompliet tgħid li; “Madanakollu, b’iktar riċerka u għajnuna kemm mill-Acute Leukemia Advocacy Network issa Sandro ġie aċċettat għal trial fiċ-Ċina li jitqabbel tajjeb ma’ dak li kien ser jingħata f’Singapore”

Martu kienet qalet ukoll; ” B’tama qawwija issa lesti sabiex Sandro, il-ġimgħa d-dieħla, ikun jista’ jivvjaġġa b’air ambulance lejn Beijing fejn ser ikun jista’ jingħata din il-kura li hija ċ-ċans li għandu bżonn għall-fejqan u l-ħajja”.

L-intoppi biex Sandro jibda l-vjaġġ tiegħu biex jieħu l-kura ma kienx faċli xejn tant li anke kien hemm kwistjonijiet mal-kumpanija tal-air ambulance li topera minn Londra.

Dwar din il-kwistjoni l-familja tal-pazjent Malti Sandro Grech kienet imġiegħla ċċedi għat-talbiet ta’ kumpanija tal-air ambulance f’Londra u tħallas is-somma addizzjonali ta’ €80,000 wara li nqabdet f’sitwazzjoni fejn il-ħajja ta’ Sandro kienet qiegħda tintuża bħala lieva. Minkejja li l-familja diġà kienet ħallset €148,000 għal titjira “all inclusive”, il-kumpanija EMS Air Ambulance and Medical Repatriation Ltd irrifjutat li ttajjar lill-pazjent jew li tagħti rifużjoni tal-flus. Konsegwentement, ma ħalliet l-ebda triq oħra lill-familja għajr li tħallas biex issalva l-ħajja ta’ Sandro.

Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-familja taħt protesta legali minħabba t-theddida imminenti għal ħajtu. Peress li l-kumpanija kienet qiegħda żżomm il-flus oriġinali, il-familja ma setgħetx tuża dawk il-flus biex tqabbad operatur ieħor, fatt li ħalla lill-pazjent Malti f’riskju kbir li jitlef l-uniku ċans tiegħu għall-fejqan. L-avukati tal-familja Dott. Aron Mifsud Bonnici u Dott. Roselyn Borg kienu ddeskrivew din l-azzjoni bħala waħda fejn il-familja nżammet ostaġġ, b’kumpanija tapprofitta ruħha mill-vulnerabbiltà ta’ missier li qiegħed jiġġieled għal ħajtu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport