Is-Sibt tħabbret il-mewt ta’ Victor Grima, eks ħaddiem tal-Union Print u anke tal-kumpanija tal-GWU Untours.
Grima serva kemm fid-dipartiment tal-accounts tal-Union Print, wara mexa lejn il-kumpanija Untours fejn jaħdem fid-dipartiment tal-ivvjaġġar u anke tal-insurance. Aktar tard fil-karriera ingħata l-kariga bħala l-kap tad-dipartiment tal-Accounts tal-Untours.
Ħaddiema li ħadmu ma’ Grima qalu lil dan il-ġurnal li hu għamel żmien twil ħafna jaħdem mal-kumpaniji tal-GWU u baqa’ hemm sa kemm irtira.
Iddeskrivew lil Grima bħala “bniedem perfezzjonist” u li diffiċli ħafna biex ikollu żball f’xogħol. “Kien bniedem li jaf jieħu ċajta u anke meta ħa l-kariga ta’ kap tal-accounts baqa’ jiġi jitkellem magħna u dejjem jara x’għadna bżonn biex ikun jista’ jgħin,” qalilna eks kollega ta’ Grima.
Victor kien miżżewġġ u kellu żewġt itfal Lucianne u Godfrey.
Hu se jkun qiegħed jingħata l-aħħar tislima għada fl-4.00pm fil-Knisja ta’ San Pawl ir-Rabat.