Jamie u Margaret Butler riedu jirrepetu xena romantika meta żaru l-Park Nazzjonali tal-Lake District – iżda l-vjaġġ tagħhom spiċċa fi traġedja.
Dan hekk kif, it-tabib għal Man City FC Jamie Butler, tilef ħajtu wara li waqa’ 300 pied meta hu u martu marru jżuru l-post fejn kien ipproponiela 27 sena qabel.
Dr Butler, li sar is-Senior Medical Officer mat-tim fl-2009, staqsa l-mistoqsija tant importanti lil martu Margaret fuq Striding Edge fid-Lake District fl-1994.
Il-koppja,minn Altrincham, Greater Manchester, riedet tirrepeti dan l-avveniment romantiku biex ikunu jistgħu jġeddu din il-memorja sabiħa.
Huma rritornaw lejn din id-destinazzjoni f’Novembru li għadda biex isegwu l-istess triq, iżda l-inkjesta semgħet li t-tabib waqa’ minn fuq il-muntanja f’viżibilità ħażina, wara li beda jifforma ċ-ċpar.
F’seduta li saret f’Cockermouth, intqal li l-muntanja kellha post speċjali fil-qlub tal-koppja.
Mill-inkjesta ħareġ il-fatt li l-koppja kienet marret tagħmel il-mixja wara nofsinhar u riedet iżżur il-post eżatt fejn saret il-proposta taż-żwieġ.
Iżda s-Sinjura Butler qalet li meta laħqu Striding Edge kienet għajjiena wisq biex tkompli, iżda madankollu, Dr Butler kompla miexi waħdu biex isib il-post eżatt fejn staqsieha biex tiżżewġu.
Fi stqarrija, is-Sinjura Butler iddeskriviet li rat lil żewġha jimxi fiċ-ċpar.
Wara li ma rat l-ebda sinjal tiegħu, hija mbagħad bdiet tgħajjatlu iżda meta ma rċeviet l-ebda risposta hija ċemplet lill-pulizija.
Irriżulta li Dr Butler kien waqa’ mill-quċċata u sofra ġrieħi serji. Aktar tard il-katavru tiegħu nstab mill-ħaddiema tas-salvataġġ, qabel ma ġie ddikjarat mejjet fuq il-post.
Ġie konkluż li l-kawża tal-mewt tiegħu kienet waħda aċċidentali hekk kif is-Sinjura Butler tat ġieħ lil żewġha u qalet li hi u l-familja tagħha kienu jħobbuh ferm.