Sunday, December 22, 2024

Imutu f’ħabta bejn żewġ ajruplani żgħar

Aqra wkoll

Mill-inqas żewġ persuni mietu wara ħabta fl-ajru bejn żewġ ajruplani żgħar fuq ajruport ta’ Watsonville f’Kalifornja, l-Istati Uniti.

L-inċident seħħ meta ajruplan bli skrejjen tat-tip Cessna 340 b’żewġ magni b’żewġ persuni abbord u Cessna 152 b’magna waħda li jġorr il-pilota tiegħu biss kienu qed jippruvaw jinżlu f’ajruport f’Watsonville, skont l-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni (FAA).

It-tnejn kienu qed jagħmlu l-aħħar preparamenti għall-inżul fuq it-tarmak tal-mitjar meta ħabtu ma xulxin, żiedet l-awtorità.

Persuna li kien għaddej mill-qrib qal lill-midja lokali li l-ajruplani kien fadlilhom madwar 200 pied biex jinżlu meta wieħed mill-ajruplani dar f’daqqa lejn il-lemin u laqat il-ġwienaħ tal-ajruplan iżgħar, li waqa u ġġarraf eżatt mal-ġenb tal-mitjar.

L-ajruplan akbar baqa’ jtir iżda deher li kien qed jissielet biex ma jitlifx il-konttroll hekk kif deher li nħakem min-nirien.

L-ajruport, li huwa proprjetà tal-belt ta’ Watsonville, m’għandux torri ta’ kontroll biex jidderieġi l-bdoti.

Ħadd fuq l-art ma weġġa’ u ma kien hemm l-ebda indikazzjonijiet bikrija dwar jekk it-tielet persuna involuta fil-ħabta bejn l-ajruplani baqgħetx ħajja.

Is-Sindku tal-belt, Ari Parker wara l-inċident kiteb fuq twitter li jinsab assolutament imnikket bl-inċident traġiku li ħa l-ħajja ta’ diversi nies.

F’isem il-Belt ta’ Watsonville huwa bagħat il-kondoljanzi profondi tiegħu lill-ħbieb u lill-familja ta’ dawk li għaddew minn din it-traġeedja.

L-inċident huwa t-tieni wieħed li fiħkien involut ajruplan fi ftit aktar minn ġimgħa f’Kalifornja.

Ajruplan niżel fuq awtostrada qrib il-belt ta’ Corona fid-9 ta’ Awwissu wara li sofra ħsara fil-magna iżda fortunatament iż-żewġ persuni li kienu abbord baqgħu ħajjin.

Ekonomija

Sport