Il-każi attivi ta’ Covid-19 komplew jonqsu biex issa niżlu għal 816-il każ hekk kif il-każi ta’ fejqan komplew jiżbqu l-każi ġodda.
L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li nstabu 77 każ ġdid ta’ Covid-19 filwaqt li kien hemm 157 persuna li ġew dikjarati bħala li fiequ mill-virus.
Fl-Isptar Mater Dei hemm 42 persuna li qed jingħataw il-kura minħabba l-virus, b’erbgħa minnhom jinsabu fit-Taqisma tal-Kura Intensiva.
It-total ta’ mwiet relatati mal-pandemija żdied għal 596 hekk kif fl-aħħar 24 siegħa mietu żewġt irġiel ta’ 70 u 87 sena.
Sas-Sibt filgħaxija kienu ngħataw 1,236,598 doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19 li minnhom 340,340 kienu dożi tal-booster.