Saturday, November 23, 2024

“Imwegħda u mwettqa huma l-kliem li jikkaratterizzaw l-ewwel 100 jum”

Konferenza tal-aħbarijiet li timmarka l-ewwel 100 jum ta' gvern ġdid Laburista

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’konferenza li mmarkat l-ewwel 100 jum ta’ gvern ġdid Laburista, id-Deputat mexxej għall-affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef qal li “mwegħda u mwettqa” huma l-kliem li jikaratterizzaw il-proposti importanti li l-Prim Ministru wiegħed fil-manifest elettorali tal-partit.

Micallef qal li l-għażla kienet jekk il-gvern jagħżilx li jgħin lill-koppji li qegħdin ibatu jew jekk irridux proċess li jwassal biex aktar ħajjiet jgħixu b’dinjità jew jitħallew imutu fil-ġuf jew wara t-twelid.

Huwa tkellem dwar Oppożizzjoni li għadha mifruda fuq dan is-suġġett. Fakkar li dan huwa l-istess partit li wiegħed it-trattament lill-koppji Maltin u Għawdxin li llum huwa maqsum fuq l-istess tema.

“Fuq in-naħa l-oħra aħna bħala partit Laburista konna ċari fejn irridu naslu, fiex nemmnu u llejla jekk Alla jrid din il-liġi tgħaddi mill-parlament”, kompla d-Deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit.

Huwa tkellem ukoll dwar il-proċess biex filwaqt li l-investiment jitkompla, medda ta’ art fiż-Żonqor mhux se tiġi mittiefsa u art f’Bormla se ssir spazju aħdar miftuħ għall-familji. Barra minn hekk saret ukoll il-liġi li daħħlet il-kunċett ta’ femiċidju. 

Micallef tkellem dwar ir-riċetta ewlenija tal-Partit Laburista li tgħinu jibqa’ ħaj progressiv u riformista hija li jinżamm il-kuntatt dirett man-nies.

Żied jgħid li bħalma kienu riformi bħal dik fil-liġi tal-kannabis, il-gvern huwa kommess li jkompli bir-riformi li hemm bżonn u li huwa wiegħed fil-manifest tiegħu. 

Ma naqasx milli jsemmi l-għajnuna tal-gvern Malti biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli biex itaffi mill-piżijiet tal-konsegwenzi tal-kunflitti fl-Ukrajna.

“Quddiem dan kollu bqajna naraw Prim Ministru u tmexxija ffukata fuq il-ħtieġa li pajjiżna jrid jibqa’ miexi ’l quddiem”, temm jgħid Micallef.

Sport