Il-Kap Eżekuttiv Matthew Vella: Iż-żerriegħa li żrajna f’dawn l-aħħar sentejn bdejna naraw il-frott tagħha
Miktub Minn Maria Azzopardi
Minn mindu l-Awtorità għall-Istandards tal-Ħarsien Soċjali bdiet topera sentejn ilu għamlet tibdil b’saħħtu fil-qasam tas-servizzi soċjali. Matul is-sena l-oħra twettqu 81% tal-miżuri kollha ippjanati filwaqt li nħarġu għall-konsultazzjoni 10 settijiet ta’ standards, inħarġu 219 liċenzja, saru 990 ispezzjoni u ġew organizzati tliet konferenzi nazzjonali.
Dan ġie mħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Istandards tal-Ħarsien Soċjali Matthew Vella li ppreżentaw ir-rapport li jitkellem dwar l-ewwel ħidma li saret minn din l-Awtorità matul is-sena li għaddiet.
Il-Ministru Falzon qal li oriġinalment kien hemm il-ħsieb li jkun hemm żewġ awtoritajiet imma wara diskussjoni li saret inħass li kien jagħmel aktar sens li jkun hemm Awtorità waħda li hija responsabbli għal-livell ta’ servizzi kollha fejn jidħol il-qasam soċjali.
Il-Kap Eżekuttiv Vella osserva li s-servizzi ta’ ħarsien soċjali ma kinux irregolarizzati u għalhekk ħadmu biex jassiguraw li dan isir. Sa minn qabel, kien hemm min kien qed jopera mingħajr liċenzja u permezz ta’ din l-Awtorità dan ġie regolat biex b’hekk issa kull min jopera fil-ħarsien soċjali jrid ikollu liċenzja.
Vella qal li sa mill-ewwel ġranet kienu impenjati biex jinħoloq djalogu u kollaborazzjoni bl-iskop li jaħdmu flimkien biex jagħtu vuċi lil min juża’ s-servizz filwaqt li jkunu jistgħu jtejbu s-servizz li jingħata. Huwa osserva li d-djalogu qed iħalli importanza kbira,“F’dawn l-aħħar sentejn dejjem enfasizzajna fuq l-importanza tad-djalogu u kollaborazzjoni. Iż-żerriegħa li żrajna f’dawn l-aħħar sentejn bdejna naraw il-frott tagħha.”
Il-Ministru Falzon iddeskriva din l-Awtorità bħala waħda vibranti li tassew irnexxielha tagħmel passi ‘l quddiem fi żmien qasir. Huwa rringrazzja lill-Kap Eżekuttiv u lill-ħaddiema kollha talli mhux biss jagħmlu x-xogħol tagħhom imma juru impenn kbir u flessibiltà enormi minkejja ż-żminijiet diffiċli ta’ bħalissa filwaqt li jipproponu biex issir aktar ħidma fil-qasam soċjali.