Monday, November 4, 2024

Imwettqa 84% tal-miżuri tal-Baġit

Aqra wkoll

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana nieda l-pubblikazzjoni “It-Twettiq tal-Baġit 2024,” fejn ħabbar li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-2024 kienet ta’ 84%. Din hija figura li għoliet bi 3% mis-sena l-oħra u tkompli tagħti kunfidenza fl-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena d-dieħla hekk kif is-Servizz Pubbliku jibqa’ l-id il-leminija u amministrattiva tal-gvern.

Tony Sultana, flimkien mal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, kien qed iżur uffiċjali fil-Ministeru għall-Finanzi li qed jaħdmu fuq l-aħħar irtokki tal-baġit għas-sena 2025. Dan il-baġit se jkun qed jitressaq quddiem il-Parlament nhar it-Tnejn, 28 ta’ Ottubru 2024.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana kompla jispjega kif fil-baġit tas-sena 2024 ġew ippreżentati 423 miżura u għalkemm din kienet qabża ta’ kważi mitt miżura iktar mis-sena ta’ qabel, ir-rata ta’ twettiq reġgħet tjiebet. Dan huwa frott ta’ koordinament qawwi bejn direttorati u dipartimenti, entitajiet u ministeri, li jaħdmu id f’id, bi strutturi, b’mod xjentifiku, u rappurtaġġ kontinwu.

Fost miżuri tal-baġit 2024 li twettqu, Tony Sultana semma t-tlestija tal-iskola fl-Imsida li hija l-ewwel skola kompletament carbon neutral, l-għotja ta’ €500 lil kull familja fejn l-ulied ikomplu bl-edukazzjoni wara li jagħlqu s-16-il sena, investiment qawwi fis-settur tas-saħħa fosthom żieda fil-mediċini b’xejn, rinnovar ta’ aktar ċentri tas-saħħa u ftehim kollettiv ġdid għall-għalliema.

Huwa semma wkoll tisħiħ tal-krediti tat-taxxa għal min ikompli jistudja, awla ta’ ġurijiet ġdida, klinika ġdida fid-Dar tal-Anzjani tal-Furjana u regolarizzazzjoni tal-aġenziji tat-temping u outsourcing biex dawn il-ħaddiema jkollhom ħlasijiet u drittijiet ugwali għal ħaddiema oħra.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana sostna li l-andament ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjiżna jpoġġih f’pożizzjoni li jwassal baġit ieħor pożittiv li jgawdu minnu l-Maltin u l-Għawdxin kollha, filwaqt li jsaħħaħ it-tkabbir ekonomiku.

Huwa qal ukoll, “Jiena fiduċjuż li l-għan tagħna huwa li noħolqu baġit ieħor soċjalment ġust u li jippermetti lill-familji u n-negozji tagħna jirnexxu. Mhu ser ikun hemm l-ebda tfixkil fit-trajettorja ekonomika tagħna; minflok, ser inżommu l-istabbiltà kontinwa.”

Il-pubblikazzjoni “It-Twettiq tal-Baġit 2024” fiha elenku tal-miżuri kollha li tħabbru fil-baġit 2024, fejn fuq kull miżura hemm rappurtaġġ tal-istat tagħha. Apparti minn hekk, il-pubblikazzjoni tagħti analiżi tal-andament ekonomiku u rappurtaġġ dwar ix-xogħol li wettqet Malta din is-sena fil-qasam internazzjonali.

Il-pubblikazzjoni “It-Twettiq tal-Baġit 2024,” maħruġa mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, tista’ tinqara minn hawn: https://publicservice.gov.mt/Media/Publications/Twettiq_tal-Bagit_2024.pdf?id=2024-10-16.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport