Ġie inawgurat il-ħames Ċentru tal-Volontarjat tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Il-binja f’Raħal Ġdid se tkun qed tipprovdi spazju u sapport b’faċilitajiet għall-għaqdiet volontarji tan-Nofsinhar ta’ Malta.
Iċ-ċentru li ngħata l-isem Ċentru għall-Volontarjat Jake Vella ġie inawgurat mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo u l-ġenituri u qraba ta’ Jake Vella.
Wara l-Belt Valletta, ir-Rabat, Birkirkara u x-Xewkija f’Għawdex, dan ta’ Raħal Ġdid se jkun ta’ servizz għall-għaqdiet, partikolarment dawk żgħar u medji li jiddependu minn din it-tip ta’ faċilità għall-operat tagħhom. B’dan l-investiment, l-għaqdiet volontarji rreġistrati bħala VOs se jkunu jistgħu jiġu moqdija b’faċilitajiet u riżorsi, u jużaw dan l-ispazju sabiex jiltaqgħu u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom. It-tnedija ta’ dan iċ-ċentru hija wkoll wegħda elettorali oħra li qed tiġi mwettqa.
Permezz ta’ dan iċ-ċentru, Jake Vella se jibqa’ mfakkar bħala żagħżugħ ta’ ispirazzjoni li ħalla marka fuq livell nazzjonali bil-ħidma tiegħu fil-volontarjat. B’hekk il-memorja ta’ Jake se tibqa’ mfakkra fost il-voluntiera kollha li tul is-snin li ġejjin se jkollhom l-opportunità li jaħdmu minn dan iċ-Ċentru tal-Volontarjat.
F’diskors waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Julia Farrugia qalet li din l-inawgurazzjoni tfisser li qed iwettqu wegħda oħra importanti tal-Gvern, dik li joħolqu aktar spazji moderni u aċċessibbli għall-għaqdiet volontarji sabiex ikunu jistgħu jkomplu jagħtu sehem prezzjuż lill-komunitajiet tagħna.
“Dan iċ-Ċentru għall-Volontarjat, li jġib l-isem ta’ Jake Vella, huwa simbolu ta’ dak kollu li nemmnu fih: solidarjetà, inklużjoni u rikonoxximent tal-ħidma volontarja li tbiddel il-ħajja tan-nies. Huwa wkoll messaġġ ċar li l-Gvern qed iwettaq il-wegħdiet tiegħu fil-prattika, billi jinvesti fil-persuni u fl-ispazji li jagħtu valur miżjud lill-pajjiż. Il-memorja ta’ Jake se tgħix f’dan il-post bħala ispirazzjoni kontinwa għal kull min jagħżel li jagħti minn ħinu għall-ġid tal-oħrajn,” sostniet il-Ministru Julia Farrugia.
L-għaqdiet li jixtiequ jibbukkjaw iċ-Ċentru għall-Volontarjat Jake Vella għandhom jużaw is-sistema ta’ online booking li hemm fuq maltacvs.org, li diġà ndrat sew mill-għaqdiet għaċ-ċentri l-oħra. Hemmhekk wieħed isib spjega ta’ kif isir l-ibbukkjar u jista’ jara wkoll, f’ħin reali, id-dati u l-ħinijiet li fihom il-kmamar taċ-ċentru huma disponibbli.
Fid-diskors tagħhom, il-ġenituri ta’ Jake Vella — Josie u Mariska Vella — saħqu li dan iċ-Ċentru se jżomm ħajja l-memorja ta’ Jake fost il-voluntiera kollha li tul is-snin li ġejjin se jkollhom l-opportunità li jaħdmu minnu. Minkejja t-tbatijiet li kien għaddej minnhom, Jake kien dejjem volontier b’qalb kbira u kien strumentali biex jinħolqu diversi inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi għall-annimali abbandunati, kif ukoll biex jgħin f’kull kawża ġusta.
Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal li b’dan iċ-ċentru se jkunu qed jilħqu aktar għaqdiet lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta li s’issa sabuha diffiċli jsibu spazju viċin fejn joperaw. “Issa għandna firxa wiesgħa ta’ ċentri li qed joperaw f’kull naħa tal-gżejjer Maltin, dejjem bil-għan li nkunu viċin fejn hemm l-għaqdiet u fejn hemm il-volontarjat. Issa nistgħu ngħidu li lħaqna l-milja ta’ din l-inizjattiva u għandna servizz aċċessibbli għal dawk l-għaqdiet mingħajr sede fissa li jixtiequ jagħmlu użu minn dawn iċ-ċentri mifruxa ma’ Malta u Għawdex.”