Monday, August 11, 2025

‘Imxi fuq il-ħolm tiegħek relatat mal-futbol b’ċerta dixxiplina u mhux biss bix-xewqa’ – Shawn Meilak

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

B’differenza ta’ xi wħud jien ma kelli lil ħadd fil-familja li kien involut fil futbol pero ta’ tifel li kont bdejt nagħti l-ewwel daqqiet fil-MUSEUM tan-Nadur fejn kien hemm u għad hemm grawnd illum b’art sintetika u apparti l-lezzjoni ta’ tagħlim konna nqattgħu ħafna ħin nilagħbu l-futbol. Malli gradwajt bħala fizjoterapista u għaliex ma kontx għadni nilgħab futbol kompetittiv mil-ewwel bdejt ninvolvi ruħi ma timijiet lokali fi rwoli differenti u illum il-ġurnata għadni attiv bħala kowċ.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala kowċ tat-timiiet tal-youths ta’ Sirens FC?

Mil-lat personali wara esperjenzi fil-kampjonat ta taħt is-17-il sena qed inħares lejn din l-esperjenza bħala sfida ogħla anke għal fatt li l-livell f’ċerti sezzjonijiet jirrikjedi aktar attenzjoni.  Il-fatt ukoll li fl-aħħar staġun it-tim tal-Youths tas-Sirens kien f’riskju ta relegazzjoni jagħtini stimolu akbar biex dan l-istaġun it-tim jikseb rizultati aħjar. 

Iddeskrivi l-esperjenza preċedenti tiegħek fil-kowċing qabel ħadt dan ir-rwol, u kemm tgħallimt minnhom.

Kull esperjenza fil-ħajja u mhux b’anqas fil-futbol titgħallem minnha.  Bħala persuna ma niddejjaqx nidħol għal sfida meta nkun naf li ser nagħti l-impenn massimu tiegħi.  Bħala esperjenzi fil-futbol bħal kull kowċ ieħor doqt ir-rebħ  kif ukoll doqt perjodi fejn ir-riżultati mixtieqa damu jew saħansitra ma waslux.  Fil-futbol qatt ma taf bizzejjed u kemm jekk b’diskussjoni ma sħabek fil-futbol kif ukoll b’tagħlim u żvilupp professjonali kontinwu tista biss izzomm ruħek aġġornat fuq il-logħba.

Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Sirens FC qed jutilizza numru ta’ plejers prodotti tan-Nursery. X’taħseb li huwa s-sigriet rigward dan is-suċċess?

Waħda mil-miri ewlenin li ddiskutejt mal-klabb qabel ma dħalt għal dan ir rwol kienet propju li niprepara numru ta players li jkunu lesti biex jagħmlu l-qabza għal mat-tim tal-kbar. F’etajiet izgħar nagħmlu enfazi fuq l-izvilupp tal-players speċjalment mil-lat fiziku kif ukoll tekniku u ikun żball jekk ma nkomplux nagħtu l-attenzjoni massima tagħna li nkomplu ngħinu fl-izvilupp tal-players anke fl-istadju tal-Youths.  Hawn ovjament mal-miri fiziċi u tekniċi jizdiedu dawk tattiċi, psikoloġiċi u mentali, kif ukoll il-maturita soċjali u emozzjonali.

Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?

Il-livell tal-grassrooots f’pajjiżna kompla jitjieb peró xorta baqa jaffaċja sfidi relatati mad-daqs ta din il-gzira, rizorsi limitati u l-livell amatorjali ta’ ċerti klabbs. Li hu żgur hu li ħadd ma għandu skuza li jipparteċipa fil-logħba tal-futbol bin-numru ta clubs prezenti u il-livell tal-coaches tjieb ukoll f’dawn l-aħħar snin. Hu fatt magħruf li hu numru żghir ħafna ta’ plejers li jaslu jagħmluha sal-għola livell tal-futboll Malti aħseb u ara li jagħmlu l-qabza li jilgħabu barra pero dan m’għandux jaqtagħlna qalbna li nkomplu nagħtu l-aħjar ambjent u tagħlim lill-plejers tagħna.

U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Fir-rigward tal-futbol Malti rajna rizultati posittivi minn naħa tal-futbol feminili li personalment naħseb li hu attribwit għall-fatt li n-numru ta’ plejers nisa Maltin li kellhom il-kuraġġ u jmorru jilgħabu barra kiber. Fir-rigward tal-futbol maskili il-ftit progress li jirnexxielna nagħmlu aħna bħala pajjiz żgħir dejjem jiġi oskurat mil-passi ġganti li jagħmlu pajjiżi fuq il-karta tamparna. Plejers Maltin f-etajiet ta’ bejn 16 u 19-il sena iridu jiġu mħeġġa u mgħejjuna joħorgu mill-‘comfort zone’ u jmorru barra minn xtutna fejn il-livell hu wisq għola u hekk biss jistgħu jagħmlu dik il-qabża fil-livell tagħhom .

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Waħda mil-affarijiet li nara qabel ningħaqad ma’ klabb hi proprju l-grawnd fejn jista’ jsir it-taħriġ. Mhux kull klabb għandu l-faċilitajiet tiegħu u peressli aħna pajjiz żghir irridu nduru ma l-ispazji li għandna għad-disposizzjoni tagħna. Sar progress kbir fejn jidħol tibdil ta pitches artifiċjali etc pero għadek issib grawnds fejn tmur għal-logħob u faċilitajiet bażiċi bħal dressing rooms ma jkunux ta’ livell mixtieq.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Ma tantx nieħu pjacir nagħmel pjanijiet fit-tul fil-futbol imma nipreferi li nħares għal kull sfida ġdida li jkolli quddiemi b’impenn sħiħ.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Imxi fuq il-ħolm tiegħek relatat mal-futbol b’ċerta dixxiplina u mhux biss bix-xewqa. Stinka anke meta tħossok qed taqta qalbek, isma aktar mill titkellem u qatt tieqaf titgħallem. Bħala player it-talent jiftaħlek ħafna bibien pero l-umilta’, konsistenza u x-xogħol iebes huma dawk li jżommuk fil-logħba. Fl-aħħar u mhux l-inqas, ibqa’ aħdem anke jekk ħadd mhu japprezza jew jarak, għax il-mument tiegħek xi darba jew oħra jasal!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport