Wednesday, December 25, 2024

In-namra għall-isparar bdiet man-nannu fir-range tal-Bidnija

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn l-isparar?

Tista’ tgħid li din l-imħabba bdiet minn etá żgħi­ra. In-nannu tiegħi kien dilettant tal-isparar tal-plattini u ta’ spiss kont immur miegħu fir-range tal-Bidnija. In-namra tiegħu lejn l-isparar irnexxielu jagħtiha lili wkoll għax kienet tkun l-għaxqa tiegħi meta hu kien joħodni hemmhekk. 

Darba minnhom kien hemm avveniment organizzat mill-Federazzjoni Mal­tija tal-Isparar li jien kont attendejt għaliha. Kien hemm persuna partikolari li introduċietni ma’ dawn l-uffiċjali u ħeġġitni sabiex nibda nieħu sehem. 

Bdejt mill-kompetizzjoni skeet imbagħad aktar tard ħadt sehem fit-trap u d-double trap. 

Dan tista’ tgħid li kien il-preludju għal dak li kien ġej wara. Ħadt sehem f’diversi edizzjonijiet tal-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fejn saħansitra irbaħt il-midalja tad-deheb f’pajjiżna stess fl-2003 filwaqt li ppar­teċipajt fil-Logħob Olimpiku u Fit-Tazza tad-dinja ta’ dan l-isport. 

Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-president tal-Federazzjoni Maltija tal-Isparar ta’ dak iż-żmien, Salvu Portelli, li ħeġġiġni u għeni ħafna sabiex jinfet­ħuli opportunitajiet ġodda f’dan l-isport.

Semmejt l-Olimpjadi u t-Tazza tad-Dinja li ħadt sehem fihom. X’tiftakar minn din il-parteċipazzjoni tie­għek f’dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet ferm pres­tiġjużi?

Naħseb l-isbaħ mument fil-karriera tiegħi kien meta rbaħt l-avveniment dinji li sar f’Beijing fl-2011 kif ukoll il-kampjonati taż-żgħażagħ tal-Ewropa.

Id-double trap dejjem ġabli fortuna tant li fil-logħob Olimpiku tal-2004 kont spiċċajt fis-sitt post ma’ tiratur ieħor. Ma nistax ma nsemmix ukoll il-midalja tal-bronż li rbaħt fil-logħob tal-Commonwealth tal-2002 u l-2006. 

Hemm ovvjament aktar kompetizzjonijiet oħra internazzjonali li ħadt sehem fihom u kull darba kien ta’ unur li nirrappreżenta lil pajjiżi.

Mument ieħor li ngħożż hu meta l-Kumitat Olimpiku Malti kienu talbuni sabiex inżomm il-bandiera Maltija waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob Olim­piku ta’ Londra 2012.

Finalment kburi wkoll li rbaħt il-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Mediterran li saru disa’ snin ilu. Fi ftit kliem l-isparar tani ħafna sodisfazzjon li nibqa’ ngħożż tul ħajti kollha.

Jidher li f’dawn l-aħħar snin id-double trap qed tinqata’ bil-mod. Int li kont tajjeb ħafna fiha kif qed tadatta sabiex tiżviluppa l-ħi­liet tiegħek f’dixxiplini oħra?

Bħalissa qed nipprattika iktar it-trap għalkemm hemm differenza kbira jew aħjar baħar jaqsam bejnha u d-double trap. Minkejja li xorta qed tispara għall- plattini, trid senter u teknika xi ftit differenti.

Issa ilni għal dawn l-aħħar sentejn nitħarreġ f’din id-dixxiplina u kelli nadatta għal din it-teknika ġdida. 

X’tikkummenta dwar l- infrastruttura eżistenti fejn għandu x’jaqsam l-isparar?

Nista’ ngħid li l-faċilitajiet eżistenti f’Ta’ Kandja huma ta’ livell għoli u li jikkumparaw sew ma’ livell internazzjonali. Għalkemm xorta bħalissa hemm xi ranges limitati, xorta waħda sabiħ li titħarreġ hemm­hekk.

Fuq kollox, żgur li r-range tal-Bidnija qdietna sew matul is-snin għal­kemm xorta waħda għadha użata sal-lum il-ġurnata.

X’inhuma l-fehmiet tie­għek dwar il-coach tiegħek, Jimmy Bugeja?

Jimmy Bugeja kien il-coach tiegħi u ta’ ħafna tiraturi oħra għal ħafna snin u nista’ ngħid li tgħallimt ħafna mingħandu. Hu jafni meta kont għadni tifel u rani niżviluppa f’dan l-isport tant sabiħ. Bħalissa l-federazzjoni għandha coach Taljan bi prova u għalhekk għandna naraw xi żviluppi ġodda fil-jiem li ġejjin.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek, mat-taħriġ u l-kompetizzjoni­jiet tal-isparar?

Proprjament, jien qed nibbenefika mill-iskema tal-gvern fejn biha nkun nista’ nitħarreġ għal aktar ġranet filwaqt li nidħol xogħol jumejn fil-Forzi Armati fejn ilni għal dawn l-aħħar snin.

Nammetti li din l-iskema tgħinni ħafna sabiex nitħarreġ aktar għax kieku żgur ma nkunx nista’ nilħaq ċerti livelli.

Is-sena d-dieħla Malta se torganizza l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Taħseb li pajjiżna jista’ jimmira għall-midalja tad-deheb f’din id-dixxiplina?

Nemmen li kapaċi nġibu midalja tad-deheb lejn pajjiżna għalkemm kollox jiddependi mis-selezzjoni li se tkun qed issir f’dawn ix-xhur sabiex jiġu determinati min se jkunu t-tiraturi li jieħdu sehem f’dan l-avveniment.

Iżda, fil-futur, taħseb li nistgħu nimmiraw għall-midalja tad-deheb fil-Logħob Olimpiku bħalma għamlu San Marino li bħalna hu meqjus bħala pajjiż żgħir?

Jien ngħid li nistgħu għax għandna l-potenzjal. Nemmen li kollox isir bil-mod il-mod u għandna tiraturi li kapaċi jagħmlu d-differenza. Irridu nibqgħu nuru perseveranza peró nistqarr li kapaċi naslu żgur!

Kemm hi importanti Fe­derazzjoni bħal dik tal-Isparar f’pajjiżna?

Hija importanti ħafna għax tippromwovi kemm tista’ dan l-isport.

Magħhom inżid ukoll il-Kumitat Olimpiku Malti, Sport Malta u l-Gvern ċentrali li jgħin sabiex dawn l-assoċjazzjonijiet iż-żgħar ikomplu għaddejjin. 

Is-sostenn finanzjarju hu importanti għax dan l-isport jiswa l-flus. Fost l- oħrajn l-iskrataċ huma ferm għoljin u għalhekk dik l-għajnuna tgħin sabiex jittaffew ċerti spejjeż.

Għad narawk tikkowċja aktar ‘il quddiem meta tiddeċiedi li tirtira minn dan l-isport?

Ejja ngħidu hekk, kollox hu possibbli. Jista’ jkun għalkemm fadalli ftit minħabba li għalissa nħoss­ni li għadni tajjeb sabiex nikkompeti. 

M’hemmx dubju li jien bħala tiratur se nkun qed ngħin lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jimirħu f’dan l-isport u jiżviluppaw it-teknika tagħhom bħalma ħaddieħor għamel hekk miegħi.

Hemm xi ringrazzjamenti li tixtieq tagħmel wara dan is-suċċess kollu li rnexxielek tiskeb matul il-karriera tiegħek sa issa?

Iva nixtieq nirringrazzja ħafna lill-familja tiegħi, lil marti u liż-żewġt itfal tiegħi li jagħtuna kuraġġ ta’ sur anke f’mumenti partikolari. 

Mhux darba jew tnejn tgħaddili minn moħħi li nieqaf għalkollox minn dan l-isport iżda l-familjari tiegħi jħeġġuni sabiex inħares ‘il quddiem u ma naqtax qalbi. 

Ma nistax ninsa wkoll lill-uffiċjali u l-coaches li huma nvoluti f’din id- dixxiplina li kienu ta’ sostenn kbir għa­lija.

Nixtieqek twassal l- aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera sportiva.

L-ewwelnett l-isport ilaqqgħek ma’ ħafna nies u ħbieb mhux biss minn Malta iżda wkoll mid-dinja kollha. Trid titgħallem ċerti valuri bħal per eżempju taċċetta telfa għax mhux dejjem se tirbaħ. 

Telfa timmaturak u ġġiegħlek taħ­dem aktar sabiex tkun aħjar. 

Importanti li tipprepara mentalment u fiżikament għal dak li tkun se tagħmel għax kif għedtlek aktar qabel, dawn il-fatturi jilagħbu parti importanti fuq il-wirja tiegħek. Imbagħad qatt m’għandek taqta’ qalbek.

Ekonomija

Sport