Wednesday, December 25, 2024

In-Natura u l-Forma tat-Testment (1) Min ma jistax jagħmel testment?

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub Min-Nutar Dr Matthew Agius

It-testment huwa dak id-dokument li jirregola l-patrimonju ta’ individwu u jidħol fis-seħħ meta l-istess individwu jiġi nieqes. Għaldaqstant, dan l-artikolu se jagħti tagħrif utli bbażat fuq il-Kodiċi Ċivili ta’ Malta dwar min ma jistax jagħmel testment. Fil-fatt, kif se naraw f’iktar dettall, il-Kodiċi Ċivili jagħti lista eżawrjenti f’dan ir-rigward.

Fl-ewwel lok, hemm dawk il-persuni li jkunu għadhom m’għalqux l-età ta’ sittax-il sena u minħabba f’hekk huma pprojbiti milli jiddisponu ġidhom b’testment. Ir-raġunar li fuqu hija bbażata din ir-restrizzjoni huwa pjuttost dirett u għalhekk mhux se ntawwal ħafna fuq dan il-punt. F’dan il-każ, ir-raġuni għala l-Kodiċi Ċivili qiegħed jinqeda bl-età biex jaqta’ linja dritta bejn min jista’ jagħmel testment u min le, hija minħabba li f’ċirkostanzi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, persuna li m’għandhiex sittax-il sena u li tixtieq tiddisponi minn ġidha jaf ma tkunx matura biżżejjed biex tagħmel dan. Illi għalkemm individwu jkollu sittax-il sena, wieħed huwa kostrett li jiddisponi b’testment sħiħ. Il-liġi Ċivili ta’ Malta tkopri biss sabiex min għalaq is-sittax-il sena u għad m’għandux tmintax-il sena, ma jistgħux jagħmlu testament ħlief dispożizzjonijiet ta’ kumpens. 

Fit-tieni lok, hemm dawk il-persuni li, minkejja li ma jaqgħux fil-kategorija ta’ nies li fil-qasam legali nsibuhom bħala persuni interdetti, xorta mhumiex kapaċi jifhmu jew jifformaw il-volontà tagħhom. Din il-kategorija ta’ persuni tinkludi lil dawk il-persuni li minħabba xi difett, ħsara jew nuqqas ma jkunux kapaċi, anki bl-għajnuna ta’ interpreti, jesprimu r-rieda tagħhom. Fil-fatt, il-liġi tirreferi speċifikament għal dawn in-nies li mhux kapaċi jifhmu iżda li, kif intqal, mhumiex interdetti. Barra minn hekk, il-possibbiltà li persuna ma ssir qatt interdetta bi proċedura uffiċjali fil-Qorti ta’ Malta, ma tistax twassal għall-konklużjoni lill-istess persuna kapaċi tagħmel testment. Għaldaqstant, nutar jista’ saħansitra jitlob rapport psikjatriku biex jiddetermina jekk persuna tkunx kapaċi tiddisponi ġidha b’mod volontarju permezz ta’ testment. Għalhekk, biex nagħlaq dwar dan il-punt, il-qofol tal-artikolu tal-Kodiċi fejn jissemmew dawn il-persuni, huwa l-volontà. Il-volontà hija waħda mill-fatturi fundamentali biex wieħed jagħmel testment u fil-fatt f’kull testment għandu jitniżżel li persuna ġiet volontarjament biex tagħmlu.

Fit-tielet lok imbagħad hemm dawk il-persunimeqjusa bħala interdetti għal raġunijiet ta’ mard sever mentali. L-unika mod kif din it-tip ta’ persuna tista’ tasal biex tagħmel testment huwa jekk l-interdizzjoni tiġi uffiċjalment revokata permezz ta’ proċedura fil-Qorti. Għaldaqstant, anki jekk f’sitwazzjonijiet partikolari persuna tgħix mumenti luċidi, sostnuti wkoll minn provi mediċi, mhuwiex biżżejjed biex l-istess persuna tkun tista’ tagħmel testment. 

Fir-raba’ lok, hemm dawk il-persuni li, b’differenza mill-persuni msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, mhumiex persuni interdetti iżda għandhom diżordni mentali jew kundizzjoni oħra li ma tagħmilhomx kapaċi jieħdu ħsieb ħwejjiġhom fil-ħin partikolari li jsir it-testment. Għalhekk, jista’ jingħad li dan l-artikolu tal-Kodiċi jagħti importanza lill-ħin li fih isir it-testment. Barra minn hekk, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu,il-liġi tipproteġi dawk il-persuni li minkejja li mhumiex interdetti, xorta waħda mhumiex kapaċi jiddisponu ġidhom meta wieħed iqis il-kundizzjoni mentali serja li b’xi mod tista’ taffettwahom huma u jagħmlu t-testment. 

Fl-aħħar lok, il-lista tagħlaq b’artikolu li jikkonċerna persuniinterdetti minħabba tberbiq. Kwalunkwe testment li jkun sar minn dawn il-persuni ma jistax jiddisponi mingħajr awtorizzazzjoni tal-Qorti. Il-ħsieb wara dan l-artikolu huwa ċar: biex il-werriet jiġi protett mill-persuna meqjusa legalment bħala “spendthrift”, u minn kwalunkwe dejn li din setgħet daħlet fih.

Dan l-artikolu jagħti spunti bażiċi bbażati fuq il-Kodiċi Ċivili ta’ Malta dwar min ma jistax jagħmel testment u bl-ebda mod ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala parir legali. Wieħed għandu dejjem jieħu parir mingħand persuna legali tal-fiduċja tiegħu.

Ekonomija

Sport