“X’ħin konna meħlusin għarafna li l-gzira kien jisimha Malta. In-nies hemm urewna tjubija liema bħalha, ġabruna, u qabbdu nar minħabba x-xita li kienet laħqet u l-bard. Meta Pawlu ġema’ qabda ħatab u tefgħu ġon-nar, ħarġet lifgħa minħabba s-sħana u qabdet ma’ idu. Malli raw in-nies tal-pajjiż il-bhima mdendla ma’ idu, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: dar-raġel tassew li hu xi qattiel, għax għalkemm ħeles mill-baħar, il-Ħaqq ma ħalliehx jgħix. Imma Pawlu farfar il-bhima fin-nar u ma ġratlu ebda ħsara. Huma kienu jistennewh jarawh jintefaħ u jaqa’ mejjet minnufih. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu xejn barra mit-triq, biddlu fehmithom u bdew jgħidu li kien alla”.
‘Mela f’dawk l-inħawi kien hemm ir-raba tal-ħakem tal-gżira, li kien jismu Publiju. Laqagħna u żammna tliet ijiem bil-qalb. Ġara li missier Publiju kien mixħut, marid bid-deni u sabb id-demm (disenterija). Daħal Pawlu ħdejh, talab, qiegħed idejh fuqu u fejqu. Wara dan, il-morda kollha li kien hemm fil-gżira ġew għandu u kienu mfejqin. Huma wrewna ġieħ kbir u x’ħin konna se nitilqu, tawna kull ma konna neħtieġu”.
Bla dubju li din hi parti mill-Iskrittura – mill-Bibbja, li lilna bħala Maltin tagħmilna kburin. Ir-rakkont tan-nawfraġju, hu marbuta mhux biss ma’ pajjiżna, iżda intiseġ u sar parti mill-identità Maltija, allavolja kkien hemm żmien meta kien hemm min ipprova jgħid li n-nawfraġju sar fi gżira oħra fl-Adrijatiku. Il-ġrajja tan-nawfaġju intisġet f’kull sfera f’pajjiżna f’dak artististiku, soċjali, folklor u anke l-qasam politiku.
F’Malta il-figura ta’ San Pawl dejjem kienet waħda ċentrali. Biżżejjed naraw l-ammont ta’ kappelli u postijiet li huma marbutin ma’ San Pawl. Il-grotta ta’ San Pawl ir-Rabat, San Pawl Milqgħi, Għajn Rażul, il-knisja tal-Ħġejjeġ f’San Pawl il-Baħar, il-gżejjer ta’ San Pawl, Il-knnisja ta’ San Pawl Eremeit, San Pawl tal-Qlejgħa u dan flimkien ma’ leġġendi u tradizzjonijiet.
M’hemm ebda dubju li l-wasla ta’ San Pawl f’Malta ħalliet effett fuq l-istil ta’ ħajja tal-Maltin. Ngħid dan għax il-parti l-kbira tal-Maltin, f’xi żmien jew ieħor żgur li semgħu bin-nawfraġju ta’ San Pawl f’pajjiżna. Din il-ġrajja flimkien mal-fatt li hi miktuba fl-Atti tal-Appostli influwenzat bil-kbir is-sens ta’ identità tal-Maltin. Il-Maltin bdew jaraw li għandhom identità separata anke billi jintrabtu ma’ din il-ġrajja. Ġrajja li mill-mod kif seħħet u kif ingħad li hemm bżonn jaħbtu ma’ gżira, għal ħafna żmien ġiet interpretata bħala li Malta intgħażlet b’mod divin.
L-Ordni ta’ San Ġwann, ħadem u għen biex tissaħħaħ ir-rabta bejn in-nawfraġju u Malta. Il-memorja kollettiva saret tħaddan fiha iż-żmien li San Pawl għamel f’Malta anki wara n-nawfraġju, irrispettivament mill-ġenwinità storika ta’ din il-ġrajja. Wieħed ma jistax jinsa li għal perjodu twil konna maħkumin mill-Għarab u m’hemmx dubju li f’dak iż-żmien il-fidi Kattolika ma kinitx b’saħħitha. Biss meta ġiet introdotta mill-ġdid wara li l-gżejjer Maltin spiċċaw Latinizzati, il-fervur reliġjuż u għalhekk ir-rabta ma’ din il-ġrajja, issaħħew bil-kbir.
U l-influwenza tan-nawfraġju fuq pajjiżna narawha ukoll hekk kif ma’ din il-ġrajja nibtu il-leġġendi u miti oħra. Bħal dik li San Pawl kien jitkellem u jinstema’ minn Għawdex, dik li ċertu fossili fil-blat li huma snin ta’ klieb il-baħar bdew jissejħu Ilsna ta’ San Pawl.
Kif inhuma deskritti l-Maltin dak iż-żmien?…
…fejn kienu jgħixu?
Din il-ġrajja tant hi marbuta magħna, u tant daħħalniha bħala parti minn dak li jagħmilna Maltin, li dan imur lura għal snin twal. Jekk wieħed jara x’kien qal il-Kappillan tal-Ordni ta’ San Ġwann, Jean Quintin d’Autun fl-1536, proprju sitt snin wara li l-ordni ta’ San Ġwann ġie f’pajjiżna, insibu li dan kien tkellem b’mod ċar li l-poplu kien devot ħafna tar-reliġjon tiegħu. Kien qal li Malta hi kkonsagrata lil San Pawl. Kien qal li r-reliġjon imħaddna hi pprattikata fil-gżira kollha. Kien stqarr li kien hemm niċeċ mal-gżira kollha u li n-nies jemmnu bi sħiħ Ii Pawlu kien Malta daqskemm jemmnu Ii Pietru kien Ruma.
Dan fi żmien meta hu jiddeskrivi lil Maltin bħala li nies għandhom karattru Sqalli b’taħlita ta’ Afrikan. Kien qal li n-nisa jgħixu qishom mhumiex ċivilizzati, ma jitħalltux ma’ nies oħra u joħorġu barra mgħottija b’velu. U dak iż-żmien il-poplu kien jgħix fi strutturi imsaqqfa bil-qasab, li fi kliemu stess wieħed jaħsibhom għerejjex fl-Afrika.
Minn dak rakkontat minn dan il-kappillan tal-Ordni ta’ San Ġwann, tidher biċ-ċar li qrib in-nofs tas-Seklu Sittax, il-ġrajja tan-nawfraġju kienet marbuta sew mat-terminu Malti. Dan beda jsir kemm mil-lat kulturali kif ukoll storiku. Dan ifisser li r-reliġjon u allura l-kult ta’ San Pawl intrabtu ma’ kunċetti Maltin.
U minħabba dan. il-figura ta’ San Pawl rajniha tassorbi diversi rwoli. Dan bħal ġrajjiet ta’ dehriet ta’ San Pawl fl-Assedju tal-Imdina, aktar tard il-bikja ta’ San Pawl f’niċċa fuq is-Saqqajja waqt l-imblokk tal-Franċiżi.
San Pawl u l-ilsien Malti
Ma jonqosx li l-influwenza tal-ġrajja tan-nawfraġju u l-kult Pawlin, jitwaħħdu ukoll mal-ilsien Malti. Filfatt fil-lingwa Maltija insibu idjomi marbutin ma’ dan il-personaġġ. Fost dawn hemm dik li “Għażżien daqs is-sejf ta’ San Pawl” – li ngħiduha għal min ikun għażżien jew ftit li xejn jimpurtah mix-xogħol. Jingħad hekk għax ovvjament, għalkemm San Pawl jidher bis-sejf jew bix-xabla, wara li kkonverta dik ma intużatx aktar fil-persekuzzjoni kontra l-Insara.
Għandna l-espressjoni ta’ ‘Xebgħa tal-Beati Pawli” u hawn anke min jgħid “Kedda tal-Beati Pawli”. Din hi espressioni li tintuża għal xi ħaġa kbira negattiva bħal xi battikata.
Espressjoni oħra hi dik li nużaw għal min ma tistax toqgħod fuq li jgħid għax jibdel dak li jkun qal wara flit. Għal nieś hekk ngħidu dak “iqalleb daqs it-temp f’San Pawl ta’ Jannar”. Din għandha l-bażi tagħha mill-fatt li l-antiki kienu jgħidu li fil-festa ta’ San Pawl fil-25 ta’ Jannar – li hi l-konverżjoni, it-temp jinbidel diversi drabi fil-ġurnata.
Ilsien San Pawl…….kienu
jagħmluh ma’ għonq it-tfal morda
L-ewwel darba li smajt b’Ilsien San Pawl kien meta man-nannu konna qegħdin nagħmlu ħofra – forma ta’ bir ċkejken għall-ilma. Il-blat li kien qed jitqatta’ in-nannu kien jgħidli li hi ‘blata qergħejja”. Kien ikollu spnar, isammru u kif jidħol sew tinqata’ prexxa mhux ħażin. F’xi waqtiet kien jagħmel tlett spnajjar ħdejn xulxin. F’dan il-blat sibna kemm il-wieħed – kien jgħidli ‘għanduk lsien San Puwl ieħur’. Snin wara sirt naf li huma snin ta’ klieb il-baħar. Għadhom għandi id-dar, imma fil-lezzjonijiet tax-xjenza konna tgħallimna li minħabba li l-gżejjer Maltin iffurmaw taħt il-baħar, inħoloq saff fil-blat li fih hemm fdalijiet fossilizzati ta’ għadd ta’ speċi tal-baħar fosthom arżell u snin ta’ klieb il-baħar.
Niftakar lin-nannu jgħidli li s-sriep ma jagħmlulek xejn għax jibżgħu minnek. Kien jgħid li San Pawl neħħa l-velenu mis-sriep, issa kienx jemminha jew le ma nafx.
M’hemmx dubju li n-nawfraġju ta’ San Pawl kellu sehem qawwi biex maż-żmien żvolġew qlajjiet marbuta mar-reliġjon. L-antiki kienu jemmnu li San Pawl ħalla kopja ta’ lsienu fil-ġebla Maltija.
Imma mhux biss, l-istorja tan-nawfraġju u l-gidma tal-lifgħa, wasslet biex inħoloq l-għidu u t-twemmin li dawn is-snin tal-klieb il-baħar huma xbieha ta’ lsien San Pawl. Mhux biss jgħidu li huma xbiegħa ta’ ilsna ta’ San Pawl imma kienu jużaw kontra xi tip ta’ mard u gdim velenuż. Filfatt, kien hemm min ipoġġi Ilsien San Pawl fl-ilma jagħli u mbagħad meta jibred jixorbuh. Mhux hekk biss, imma it-trab ta’ Ilsien San Pawl midħun kien jitpoġġa fuq feriti minħabba li kien jemmnu li dan kien ifejjaqhom. Jidher ukoll li dan l-Ilsien San Pawl kien anke jintuża fejn jidħol it-tlugħ ta’ snin fit-tfal, u dan billi kien jitpoġġa madwar għonq it-tfal.
Il-festa tan-nawfraġju….
…sinonima mal-Partit Nazzjonalista
Lil hinn mill-miti, tradizzjonijiet, folklor, l-aspett soċjali u dak artistiku hemm ukoll l-aspett politiku. Il-ġrajja ta’ San Pawl f’pajjiżna u mod kif intisġet fl-identità tagħna, spiċċat ukoll twaħħdet mal-aspett politiku. Filfatt il-festa ta’ San Pawl Nawfragu li tiġi ċċelebrata fil-Belt Valletta hi marbuta u sinonima mal-Partit Nazzjonalista. Bil-Banda La Vallette li tieħu sehem fil-festa ta’ San Pawl assoċjata mal-Partit Nazzjonalista, il-festa tan-nawfraġju spiċċat ukoll assoċjata mal-Partit Nazzjonalista. Filfatt il-Banda La Vallette, li hi l-banda li tieħu sehem fil-festa ta’ San Pawl Nawfragu kellha bħala President lil Fortunato Mizzi, il-fundatur tal-Partit Nazzjonalista u l-Prim Ministru, Joseph Howard, Sir Ugo Mifsud, u Dr Gorg Borg Olivier.
Din ir-rabta bejn il-festa ta’ San Pawl Nawfragu u l-Partit Nazzjonalista issaħħet aktar meta l-Prim Ministru Dom Mintoff kien neħħiha minn festa pubblika.
Illum is-sitwazzjoni għadha waħda tali fejn għall-festa ta’ San Pawl Nawfragu jattendu bi ħġarhom id-Deputati Nazzjonalisti.